10 ta’ Frar In-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl

Qari I

Qari mill-Ktieb tal-Għerf.

 

Missier, il-providenza tiegħek tmexxih;

għax int ftaħt triq fil-baħar ukoll,

u mogħdija bla periklu qalb l-imwieġ.

Hekk turi li int tista’ teħles minn kull tiġrif,

biex ukoll min ma jifhimx jista’ jbaħħar.

Inti ma tridx li għemil l-Għerf ikun għal xejn;

għalhekk il-bnedmin jafdaw ħajjithom

fuq għuda dgħajfa, u jaqsmu, qawwijin u sħaħ,

mwieġ kbar fuq ċattra.

Hekk ukoll, meta kienu qegħdin jinqerdu

l-ġganti l-kbar,

fuq dgħajsa skansat it-tama tad-dinja

u, mmexxija minn idek, ħalliet lid-dinja żerriegħa

ta’ nisel ġdid.

Imbierka l-għuda li biha jsir il-ġid!

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali

R/. Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għall-tjubitu.

 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

U joffrulu sagrifiċċji ta’ radd il-ħajr,

u jxandru l-għemejjel tiegħu b’għana ferrieħi.  R/.

 

Dawk li jbaħħru fuq l-iġfna,

li jinnegozjaw fuq l-ibħra bla tarf,

raw l-opri tal-Mulej

u l-għeġubijiet tiegħu f’qiegħ il-baħar.  R/.

 

Hu ordna u qajjem riefnu,

li qanqal imwieġ il-baħar.

Għolew sas-smewwiet

u niżlu sa qiegħ il-baħar;

qalbhom bdiet tferfer bil-biża’. R/.

 

Bdew jitbandlu u jixxenglu bħal nies fis-sakra,

u s-sengħa tagħhom xejn ma switilhom.

Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom,

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

U bidel ir-riefnu f’żiffa, u sikket mewġ il-baħar.  R/.

 

Huma ferħu għax ibbnazza;

u hu wassalhom sal-port li xtaqu.

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.  R/.

 

 

Qari II

Il-Maltin ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħala.

Atti 27, 16 – 28, 6

 

Qari mill-Atti tal-Appostli.

 

B’ġirja waħda għaddejna

taħt ir-riħ ta’ daqsxejn ta’  gżira jisimha Kawda.

Bilkemm stajna nżommu d-dgħajsa warajna,

u għalhekk tellgħuha mill-baħar.

Imbagħad qabdu l-armar

u rabtu l-ġifen dawramejt biċ-ċimi,

niżżlu l-qlugħ għax beżgħu li ninkaljaw fuq is-Sirti, u hekk ħallejna l-mewġ iġorrna miegħu.

 

L-għada t-tempesta ħabbtitna ħafna,

bdew iwaddbu t-tagħbija l-baħar,

u fit-tielet jum irmew it-tagħmir tal-ġifen b’idejhom stess. Għal ħafna jiem

la dehret xemx u lanqas kwiekeb;

it-tempesta li qabditna ma kinitx ħafifa,

hekk li fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw.

In-nies kienu ilhom ħafna ma jieħdu xi ħaġa biex jitrejjqu; Pawlu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Ħbieb, kien imisskom smajtu minni

u ma tlaqtux minn Kreta; kontu teħilsu minn din il-ħsara u dan it-telf. Imma issa nwissikom biex tagħmlu l-qalb, għax ħadd minnkom m’hu se jitlef ħajtu; il-ġifen biss jintilef.

Għax dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli,

“Tibżax, Pawlu.

Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari;

ara, Alla tak il-grazzja li dawk kollha

li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw.”

Mela qawwu qalbkom, ħbieb.

Jien nemmen f’Alla li hekk isir,

sewwasew kif ħabbarli.

Jinħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira”.

 

Meta wasal l-erbatax-il lejl,

konna ninsabu mitfugħin ‘l hawn u ‘l hemm

fil-baħar ta’ Adrija.

Għall-ħabta ta’ nofs il-lejl

il-baħrin ħassew li konna resqin qrib xi art.

Skandaljaw il-fond tal-baħar,

u sabu għoxrin qama;

imxejna ftit ieħor ‘il quddiem,

reġgħu skandaljaw, u sabu ħmistax.

Huma beżgħu li xi mkien

konna se naħbtu ma’ xi skoll,

u għalhekk niżżlu erba’ ankri mill-poppa.

Ix-xewqa tagħhom kienet

li ma jdumx ma jisbaħ.

Il-baħrin bdew ifittxu li jaħarbu mill-ġifen,

u niżżlu dgħajsa l-baħar

bħallikieku biex idendlu xi ankri mill-pruwa.

Iżda Pawlu qal liċ-ċenturjun u lis-suldati:

“Jekk dawn ma jibqgħux fuq il-ġifen,

intom ma tistgħux issalvaw”.

Imbagħad is-suldati qaċċtu l-ħbula tad-dgħajsa

u ħallewha tmur għal riħha.

 

Meta sar il-ħin biex jisbaħ,

Pawlu qabad jagħmel il-qalb lil kulħadd

biex jitrejjqu b’xi ħaġa, u qalilhom:

issa ġa ilkom erbatax-il ġurnata

tistennew sajmin u ma dduqu xejn.

Għalhekk agħmlu l-qalb

u trejjqu b’xi ħaġa tal-ikel;

dan jiswielkom għal saħħitkom,

għax ħadd minnkom

m’hu se jitlef xagħra waħda minn rasu”.

Kif qal dan, qabad il-ħobż,

radd il-ħajr lil Alla quddiem kulħadd,

qasam u beda jiekol.

Imbagħad kulħadd għamel il-qalb,

u ħadu xi ħaġa tal-ikel huma wkoll.

Konna b’kollox mitejn u sitta u sebgħin ruħ fuq il-ġifen. Wara li xebgħu, bdew iħeffu l-ġifen u jwaddbu l-qamħ il-baħar.

 

Xħin imbagħad sebaħ, l-art ma għarfuhiex;

lemħu biss bajja bi xtajta fiha,

u qatgħuha li, jekk jistgħu,

jitfgħu l-ġifen fuqha.

Rħew l-ankri u telquhom il-baħar,

u ħallew ukoll l-irbit tat-tmun.

Imbagħad tellgħu l-qala’ ż-żgħir ta’ quddiem għar-riħ u rħewlha lejn ix-xtajta.

Iżda ħbatna ma’ sikka bejn żewġ kurrenti,

u l-baħrin waħħlu l-ġifen fuqha.

Il-pruwa baqgħet imwaħħla sewwa fil-post

u ma tħarrkitx iżjed,

imma l-poppa bdiet titfarrak bil-qilla tal-mewġ.

Is-suldati riedu kieku joqtlu l-priġunieri,

li ma jmurx jaħrab xi ħadd minnhom bil-għawm;

iżda ċ-ċenturjun, li ried isalva ‘l Pawlu,

ma ħalliex il-ħsieb tagħhom iseħħ.

Lil dawk li kienu jafu jgħumu

ordnalhom jintefgħu huma l-ewwel il-baħar

u jmorru l-art; lill-oħrajn ordnalhom jilħqu x-xatt, min fuq twavel u min fuq bċejjeċ imkissra tal-ġifen.

U hekk kulħadd qabad l-art qawwi u sħiħ.

 

Meta ħlisna mill-għarqa,

sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta.

In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna

bi ħlewwa liema bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa,

għax kienet bdiet nieżla x-xita

u kien il-bard.

Mela Pawlu qabad qabda zkuk niexfa

u tefagħhom fin-nar.

Fiz-zkuk kien hemm lifgħa li,

malli ħasset is-sħana,

ħarġet u qabdet ma’ id Pawlu.

In-nies tal-gżira,

kif raw il-lifgħa mdendla ma’ idu,

bdew jgħidu wieħed lil ieħor:

“Dan ir-raġel żgur xi qattiel,

għax għad li ħelisha mill-baħar,

il-Ġustizzja ma ħallitux jgħix!”

Imma hu farfar il-lifgħa ġon-nar u ma ġralu xejn.

Huma stennew li se jarawh jintefaħ

jew jaqa’ u jmut f’daqqa.

Wara li damu jistennew ħafna

u raw li ma ġralu ebda deni,

biddlu l-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi alla.

 

F’dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publju.  Dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem. Missier Publju inzerta mixħut, marid bid-deni u d-disenterija. Pawlu daħal ħdejh, għamel talba, qiegħed idejh fuqu u fejjqu. Wara dan, imbagħad, bdew ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom. Urewna ġieħ kbir, u meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il-ġifen kull ma konna neħtieġu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Hallelujah..Hallelujah.

Faħħru lill-Mulej, ġnus kollha, sebbħuh, popli kollha;  għaliex qawwija hi

l-grazzja tiegħu għalina: il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.

 

.Hallelujah.

Evanġelju    Mk 16, 15-20

Qari mill-Evanġelju skont San Mark.

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Ħdax :

“Morru fid-dinja kollha,

xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.

Min jemmen u jitgħammed, isalva;

iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat.

U dawn huma s-sinjali

li jsieħbu lil dawk li jemmnu:

f’ismi jkeċċu x-xjaten,

jitkellmu b’ilsna ġodda,

jaqbdu s-sriep b’idejhom,

u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt

ma jagħmlilhomx ħsara;

iqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.”

U hekk il-Mulej Ġesù,

wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema

u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla.

Huma mbagħad marru jippridkaw kullimkien;

il-Mulej kien jaħdem magħhom

u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.

TALBIET TAL-INTERĊESSJONI – SAN PAWL

 

Ħuti għeżiez, filwaqt li nfaħħru lil Alla għad-don tal-fidi li ġabilna l-Appostlu San Pawl, nitolbu biex ngħixu b’impenn il-fidi li wegħidna fil-magħmudija tagħna aħna u ntennu:

Seddaq lill-poplu tiegħek Mulej.

Għall-knisja ta’ Kristu li tinsab f’ Malta u Għawdex, għar-rgħajja tagħha u għall-poplu nisrani kollu li jgħix f’dawn il-gżejjer. Nitolbu….

Għal dawk li għandhom id-dmir li jiggvernaw lil pajjiżna, biex ifittxu dejjem li jħarsu l-valuri nsara u li jiddawlu fl-għażliet tagħhom, mill-Evanġelju. Nitolbu…

Għall-missjunarji Maltin u Għawdxin, biex ikomplu l-ħidma t’evanġeliżżazzjoni mibdija mill-Appostlu tal-ġnus kull fejn jinsabu. Nitolbu..

Għalina, biex nilqgħu bil-ferħ l-aħbar tal-Evanġelju li wasslilna l-Appostlu Missierna u ngħixuha b’impenn fid-dinja tal-lum.  Nitolbu..

Mulej Alla tagħna, inti ridt li l-Appostlu San Pawl iwasslilna d-dawl tal-Kelma tal-Evanġelju, agħtina li nitqawwew fid-don tal-fidi u nħossuna responsabbli li ngħadduh lil kull min nafu, biex Kristu jkun kollox f’kulħadd.  Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

About the author

Ikkummenta