Id-Dehriet tal-Madonna ġewwa Lourdes

Fis-sena 1858, erba’ snin wara l-proklamazzjoni tad-Domma tal-Kunċizzjoni, il-Madonna dehret ġewwa Lourdes fi Franza lil tfalja ta’ 14-il sena, illum qaddisa, Bernadette Soubirous. Mill-11 ta’ Frar sas-16 ta’ Lulju 1858 il-Madonna dehret 18-il darba fil-vilaġġ ta’ Lourdes li jinsab fin-nofsinhar ta’ Franza fil-Hautes-Pyrenees.

Il-Madonna dehret dejjem b’libsa bajda b’ċintorin ċelesti u bil-ward b’kulur id-deheb fuq saqajha t-tnejn u b’kuruna f’idha. Fit-18 ta’ Jannar tal-1860 dawn id-dehriet ġew rikonoxxuti mill-Isqof tal-post, ta’ Tarbes, Monsinjur Laurence.

Il-Papa Beatu Piju IX approva d-dehriet fl-1862. Il-Papa Ljun XIII kiteb l-Ittra Appostolika Parte Humanae Generi fl-okkażjoni tad-dedikazzjoni tal-Katidral il-ġdid ġewwa Lourdes fl-1879. Il-Papa San Piju X waqqaf il-festa tal-Madonna ta’ Lourdes. Il-Papa Piju XI ibbeatifika lil Bernadette Soubirous fl-14 ta’ Gunju 1925 u għamilha qaddisa fit-8 ta’ Diċembru 1933. Il-Papa Piju XII semma l-Madonna ta’ Lourdes fl-enċiklika tiegħu tal-1954 Fulgens Corona. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II żar dan il-post qaddis tliet darbiet u l-Papa Benedittu XVI mar Lourdes fil-15 ta’ Settembru 2008 fl-okkazjoni tal-150 sena tad-dehriet.

Id-dehriet ġraw fil-11, 14, 18, 19, 20, 21, 23, 24, 27 u 28 ta’ Frar u fl-1, 2, 3, 4 u 25 ta’ Marzu, fis-7 ta’ April u fis-16 ta’ Lulju.

L-ewwel dehra tkun proprju l-Ħamis 11 ta’ Frar, ta’ qabel Ras ir-Randan tal-1858. Dakinhar Bernadette (isem proprju Marie-Bernarde) flimkien ma’ oħtha u ħabiba, marret tiġbor ftit zkuk u ħatab minn ħdejn il-għar ta’ Massabielle (Tuta de Massavielha) ftit ‘il barra minn Lourdes biex tkun tista’ tbigħhom u tixtri ftit ħobż. Waqt li kienet waħeda dehritilha l-Madonna fil-blat bħala mara sabiħa. Fit-tieni dehra Bernadette wara li nsistiet ħafna ma’ ommha Louise li għandha terġa’ tmur, ħadet ftit ilma mbierek mill-knisja biex tixħtu lill-Madonna ħalli tivverifika li din id-dehra kienet verament ġejja minn Alla. Fit-tielet dehra l-Madonna talbet lit-tfalja biex tiġi fil-għar ta’ Massabielle għal 15-il ġurnata.

Fir-raba’ dehra t-tfajla ħadet ukoll lil ommha, żewġ zijiet u n-nanna tagħha. Fil-ħames dehra kien hemm preżenti tletin persuna. Fis-sitt dehra kien hemm mal-mitt persuna preżenti u l-Madonna talbet lit-tfalja biex titlob għall-midinbin. Fis-seba’ dehra kien mal-150 persuna preżenti u dakinhar il-Madonna qalet sigriet lil Bernadette. Fit-tmien dehra kien hemm mal-250 persuna preżenti u l-messaġġ tal-Madonna kien: penitenza, penitenza, penitena u biex titlob għall-midinbin u tbus il-ħamrija bħala penitenza għall-midinbin.

Fid-disa’ dehra l-Madonna talbet lil Bernadette biex tixrob l-ilma mill-ħamrija u tiekol il-ħaxix fl-art.

Fl-għaxar dehra kienu preżenti madwar 800 ruħ u fil-ħdax-il dehra kien hemm ‘il fuq minn elf persuna. Fit-tnax-il dehra kien hemm prezenti kważi elf u ħames mitt ruħ fejn omm li kienet qed tistenna tarbija u li kienet maħkuma minn paraliżi f’idejha ġiet imfejqa mill-ilma tal-għar ta’ Massabielle fejn kienet tidher il-Madonna.

Fit-tlettax-il dehra l-Madonna ordnat lit-tfajla tgħid lis-saċerdoti biex jiġu hemmhekk f’purċissjoni u jibnulha kappella imma l-qassis Abbè Dominique Peyramale ma emminix. Fl-erbatax-il dehra l-Madonna tbissmet lil Bernadette. Fil-ħmistax-il dehra kien hemm mad-disat elef persuna u l-Madonna reġgħet tbissmet lil Bernadette. Is-sittax-il dehra damet madwar siegħa u dakinhar il-Madonna qaltilha li hi l-Immakulata Kunċizzjoni.

It-tfajla marret tiġri tgħid dan l-isem lill-kappillan. Fis-sbatax-il dehra t-Tabib Pierre Romaine Dozous kien konvint li verament Bernadette kellha dawn id-dehriet tal-Madonna.

Fl-aħħar dehra, minħabba li s-Sindku ta’ Lourdes għalaq l-aċċess għall-grotta tal-Madonna, Bernadette rat ukoll il-Madonna minkejja li kienet għarkupptejja ‘l barra mill-grotta.

About the author

Ikkummenta