Il-Mulej qed isejħilna mill-ġdid għal darb’oħra biex insegwuh fl-itinerarju kwareżimali, mixja proposta ta’ kull sena lill-fidili kollha sabiex iġeddu t-tweġiba tagħhom personali u komunitarja għall-vokazzjoni tal-Magħmudija u jġibu l-frott ta’ konverżjoni. Ir-Randan huwa mixja ta’ riflessjoni dinamika u krejattiva, li tmexxi għall-penitenza biex issaħħaħ kull għan ta’ mpenn evanġeliku; mixja ta’ mħabba li tiftaħ ir-ruħ ta’ dawk li jemmnu lill-aħwa, waqt li tipproġettahom lejn Alla. Ġesù jitlob lid-dixxipli tiegħu biex jgħixu u jxerrdu l-karità, il-kmandament il-ġdid, li jirrapreżenta s-sommarju maġistrali tad-Dekalogu divin afdat lil Mosè fuq il-Muntanja Sinai. Fil-ħajja ta’ kuljum ingħatalna li niltaqgħu ma’ nies bil-ġuħ, bil-għatx, morda, emarġinati, migranti. Matul iż-żmien tar-Randan aħna mistiedna biex inħarsu b’iżjed attenzjoni lejn wiċċhom sofferenti; uċuh li jixhdu l-isfida tal-faqar ta’ żmienna.
Il-Vangelu jenfasizza li l-Feddej iħoss kumpassjoni singulari għal dawk li jinsabu f’diffikultà; ikellimhom dwar is-Saltna ta’ Alla u jfejjaq fil-ġisem u fl-ispirtu lil dawk li jinħtieġu kura. Jgħid, imbagħad, lid-dixxipli: «Agħtuhom jieklu intom stess». Imma huma jintebħu li ma kellhomx għajr ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. Ukoll aħna, llum, bħal dik id-darba l-Appostli f’Betsajda, niddisponu minn meżżi bla dubju ta’ xejn insuffiċjenti biex inwieġbu b’mod effikaċi għal madwar tminn mitt miljun persuna bil-ġuħ jew mhux mitmugħa, li fuq l-għatba tas-sena Elfejn għadhom jissieltu għas-sopravivenza tagħhom.
X’se nagħmlu mela? Inħallu l-affarijiet kif inhuma, waqt li nirrassenjaw ruħna għall-impotenza? Dan huwa l-interrogattiv li dwaru nixtieq niġbed l-attenzjoni, fil-bidu tar-Randan, l-attenzjoni ta’ kull fidil u tal-komunità ekkleżjali kollha kemm hi. Il-folla tal-imġewħin, magħmula minn tfal, nisa, xjuħ, migranti, rifuġjati u diżokkupati, tgħolli lejna l-għajta ta’ niket tagħha. Huma qegħdin jitolbuna, waqt li jittamaw li jkunu mismugħa. Kif nistgħu ma nirrendux attenti widnejna u viġilanti qlubna, waqt li nibdew inqiegħdu għad-dispożizzjoni dawk il-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet li Alla qiegħed f’idejna? Ilkoll nistgħu nagħmlu xi ħaġa għalihom, billi kull wieħed u waħda minna jġorr il-kontribut tiegħu. Dan jitlob bla dubju xi sagrifiċcji, li jissuġġerixxu konverżjoni interna u profonda. Hemm bżonn bla dubju li nerġgħu niflu l-imġibiet konsumistiċi, nikkonbattu l-edoniżmu, nopponu għall-indifferenza u għad-delega tar-responsabiltajiet.
Inkomplu għaldaqstant il-mixja tagħna matul dawn l-aħħar ġimgħat tar-Randan biex b’hekk nippreparaw ruħna biex ngħixu l-isbaħ żmien tas-sena liturġika, t-Tridu tal-Għid. Flimkien mal-Knisja nishru u nistennew biex ilkoll nkunu nistgħu nqumu għall-ħajja ġdida ma’ Kristu Rxoxt.