“Kristu Qam, Hallelujah!”

 “U morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu li hu qam mill-imwiet” (Mt 28:7). Inħossu tintqal lilna wkoll din l-istedina biex “immorru malajr” inħabbru lill-irġiel u nisa ta’ żmienna dan il-messaġġ ta’ ferħ u ta’ tama. Ta’ tama żgura, għax minn meta, ma’ sbiħ it-tielet jum, Ġesù mislub qam mill-mewt, l-aħħar kelma m’għadhiex iżjed tal-mewt, imma tal-ħajja! U din hi ċ-ċertezza tagħna. L-aħħar kelma mhix il-qabar, mhix il-mewt, imma l-ħajja! Għalhekk intennu tant: “Kristu qam”. Għax fih il-qabar ġie mirbuħ, twieldet il-ħajja.

Grazzi għal din il-ġrajja, li ġġib il-veru u proprju ġdid fl-istorja tal-bniedem, aħna msejħa nkunu bnedmin ġodda skont l-Ispirtu, u naffermaw il-valur tal-ħajja. Dan diġà hu l-bidu tal-qawmien tagħna. Inkunu rġiel u nisa tal-qawmien, irġiel u nisa tal-ħajja, jekk, qalb il-ġrajjiet li jġarrbu lid-dinja tagħna – għandna tant minnhom illum – qalb il-mondanità li tbegħidna minn Alla, nagħrfu nagħmlu ġesti ta’ solidarjetà, ġesti ta’ akkoljenza, inseddqu x-xewqa universali tal-paċi u l-aspirazzjoni għal ambjent ħieles mill-qerda. Huma sinjali komuni u umani, imma li, imwieżna u mmexxija mill-fidi fi Kristu Rxoxt, jiksbu effett wisq ogħla mill-ħiliet tagħna. U dan huwa hekk għax Kristu hu ħaj u jaħdem fl-istorja permezz tal-Ispirtu Qaddis tiegħu: jifdina mill-miżerji tagħna, jilħaq kull qalb umana u jrodd it-tama lil kull min hu maħqur u qed ibati.

Il-Verġni Marija, xhud siekta tal-mewt u tal-qawmien ta’ Binha Ġesù, tgħinna nkunu sinjali ċari ta’ Kristu Rxoxt qalb il-ġrajjiet tad-dinja tagħna, biex kull min iħossu mġarrab u f’diffikultà ma jibqax vittma tal-pessimiżmu u tat-telfa, tar-rassenjazzjoni, imma jsib fina tant aħwa li joffru l-għajnuna u l-faraġ tagħhom. L-Omm tagħna tgħinna nemmnu bil-qawwa kollha fil-qawmien ta’ Ġesù: Ġesù qam, hu ħaj hawn, fostna, u dan hu misteru hekk tal-għaġeb tas-salvazzjoni li kapaċi jibdel il-qlub u l-ħajjiet tagħna. U tidħol b’mod partikulari għall-komunitajiet Insara ppersegwitati u maħqura li llum, f’tant irkejjen tad-dinja, huma msejħa għal xhieda aktar iebsa u qalbiena.

Nawgura għaldaqstant lil kulħadd Għid Qaddis mimli bil-ferħ u l-paċi li jaf joffrilna biss Kristu Rxoxt.

Fr Claude

About the author

Ikkummenta

Discover more from Parroċċa San Ġiljan

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading