L-Iva ta’ Marija għall-ħajja
Alla jiġi jgħammar fostna, isir bniedem bħalna. U dan sar possibbli permezz ta’ “iva” kbira – dak tad-dnub kien il-“le” – din hi l-“iva”, l-“iva” l-kbira – l-“iva” ta’ Marija fil-waqt tat-tħabbira. Minħabba din l-iva Ġesù beda l-mixja tiegħu fit-toroq tal-umanità; bdieha f’Marija, u għadda l-ewwel xhur ta’ ħajtu fil-ġuf ta’ ommu: ma deherx bħala bniedem adult u qawwi, imma għadda mill-esperjenzi li jgħaddi minnhom il-bniedem. Sar bħalna f’kollox minbarra f’ħaġa waħda, dik il-“le”, minbarra d-dnub. Għalhekk għażel lil Marija, l-unika kreatura mingħajr dnub, immakulata. Fl-Evanġelju, hemm kelma waħda, “bil-grazzja mimlija” (Lq 1,28), jiġifieri mingħajr tebgħa. Ifisser li Hi mimlija bil-grazzja minnufih, m’hemmx wisa’ għad-dnub. Aħna wkoll, meta nduru lejHa, nagħrfu dan il-ġmiel: ninvokawHa bħala “mimlija bil-grazzja”, mingħajr ebda dell ta’ dnub.
Marija twieġeb għall-istedina ta’ Alla u tgħid: «Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej» (Lq v. 38). Ma tgħidx: «Tajjeb, did-darba nagħmel ir-rieda t’Alla, nuri li jien disposta, imbaħgad wara naraw….” Le, l-”iva” tagħha hi sħiħa, għal ħajjitha kollha, mingħajr kundizzjonijiet. U bħalma dik il-“le” tal-oriġini kienet għalqet it-triq ta’ bejn Alla u l-bniedem, dik l-“iva” ta’ Marija fetħet it-triq biex Alla jiġi fostna. Hi l-“iva” l-aktar importanti tal-istorja, l-“iva” fidila li tfejjaq id-diżubbidjenza, l-“iva” disponibbli li taqleb ta’ taħt fuq l-egoiżmu tad-dnub.
Aħna wkoll, kull wieħed u waħda minna għandna storja ta’ salvazzjoni magħmula minn iva u le. Però kultant aħna esperti biex ngħidu nofs iva, aħna bravi biex nagħmlu tabirruħna li mhux nifhmu dak li jrid Alla u dak li tkun qed tissuġġerilna l-kuxjenza. Moħħna jilħqilna biżżejjed biex ma ngħidux le veru lil Alla u ngħidu: “Skużani, imma ma nistax”, “mhux illum imma għada”; “għada nkun aħjar, għada fi ħsiebni nitlob, nagħmel il-ġid, għada”. U dil-makakkerija tbegħedna mill-iva, tbegħedna minn Alla u tressaqna lejn il-le, il-le tad-dnub, il-le tal-medjokrità. Il-famuża “iva…. imma”; “iva, Mulej, imma……” Però b’hekk nagħlaqu l-bieb għat-tajjeb u l-ħażen japprofitta ruħu minn dawn il-ħafna “iva” bla ħeġġa ta’ xejn. Kull wieħed u waħda minna għandna kollezzjoni minn dawn ġo fina. Naħsbu ftit, u nsibu tant “iva” li m’għidniex. Iżda kull iva sħiħa lil Alla hi l-bidu ta’ storja ġdida: l-iva lil Alla hi xi ħaġa verament “oriġinali”, hi oriġini, mhux id-dnub li jxejjaħna minn ġewwa. Qatt ħsibtuha din, li d-dnub ixejjaħna minn ġewwa? Ixejjaħna f’qasir żmien. Kull iva lil Alla hu l-bidu ta’ storja ta’ salvazzjoni għalina u għall-oħrajn bħalma għamlet Marija bl-iva tagħha.
Fr.Claude