Qari I
Hawn hu d-demm tal-Patt li l-Mulej għamel magħkom.
Eż 24, 3-8
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien, Mosè niżel jgħid lill-poplu kulma qallu l-Mulej u kulma ordnalu. Il-poplu wieġeb b’leħen wieħed u qal: “Kulma qalilna l-Mulej nagħmluh”.
Mosè kiteb il-kliem kollu tal-Mulej, u filgħodu qam, bena artal taħt il-muntanja, u waqqaf tnax-il plier għat-tnax-il tribù ta’ Iżrael.
Imbagħad bagħat xi żgħażagħ minn ulied Iżrael biex joffru sagrifiċċji u joqtlu għoġiela bħala sagrifiċċji tas-sliem lill-Mulej. Mosè ħa nofs id-demm u qiegħdu fi bwieqi, u xerred in-nofs l-ieħor fuq l-artal. Imbagħad ħa l-ktieb tal-patt, u qara minnu hekk li seta’ jisimgħu l-poplu. U huma qalu: “Kulma qalilna l-Mulej nagħmluh, u nisimgħu minnu”.
Mosè mbagħad ħa d-demm u, hu u jroxxu fuq il-poplu, qal: “Hawn hu d-demm tal-patt li l-Mulej għamel magħkom skont dan il-kliem kollu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 115 (116), 12-13.15.16bċ.17-18
R/. (13): Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,
u isem il-Mulej insejjaħ
Xi rrodd lill-Mulej
għall-ġid kollu li għamel miegħi?
Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,
u isem il-Mulej insejjaħ. R/.
Għażiża f’għajnejn il-Mulej
hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.
Jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.
Int ħallejtli l-irbit tiegħi. R/.
Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u isem il-Mulej insejjaħ.
Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,
quddiem il-poplu tiegħu kollu. R/.
Qari II
Id-demm ta’ Kristu jnaddaf il-kuxjenza tagħna.
Lhud 9, 11-15
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, Kristu ġie bħala l-qassis il-kbir tal-ġid li diġà ġie. Hu daħal minn tinda aqwa u aktar perfetta li mhijiex maħduma b’idejn il-bnedmin, jiġifieri mhijiex ħolqien ta’ din l-art; hu daħal darba għal dejjem fis-Santwarju, mhux bis-saħħa tad-demm tal-mogħoż u tal-għoġiela, imma bis-saħħa ta’ demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem.
Jekk id-demm tal-mogħoż u tal-gniedes u l-irmied tal-għoġla mraxxax fuq dawk li huma mniġġsa jista’ jqaddishom billi jagħtihom l-indafa tal-ġisem, kemm aktar id-demm ta’ Kristu, li bl-Ispirtu ta’ dejjem offra lilu nnifsu vittma safja lil Alla, jista’ jnaddaf il-kuxjenza tagħkom mill-għemil mejjet biex taqdu lil Alla ħaj!
U għalhekk hu medjatur ta’ patt ġdid, testment ġdid, biex, wara li seħħet il-mewt għall-fidwa tal-ħtijiet li saru fi żmien il-patt ta’ qabel, dawk li huma msejħa minn Alla jiksbu l-wirt ta’ dejjem li hu wegħedhom.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Sekwenza
Is-sekwenza tista’ ma tingħadx. Tista’ wkoll tingħad fil-forma l-qasira li tibda: Dan ħobż l-Anġli, magħmul ikel.
Faħħar, Sijon, lill-Feddej,
ir-ragħaj tiegħek u l-mexxej,
bl-innijiet u bl-għana.
Ibqa’ faħħru daqs kemm tista’,
għax Hu ’l fuq minn kull tifħir,
qatt ma tfaħħru kemm jistħoqqlu.
Għat-tifħir ħaġa tal-għaġeb,
il-ħobż ħaj li jagħti l-ħajja,
hawn quddiemna f’dan il-jum.
Dak il-ħobż li fuq il-mejda,
lill-appostli fl-ikla mqaddsa,
kien ingħata biex jikluh.
Ikun sħiħ it-tifħir tiegħek,
b’qalb ferrieħa, b’leħen għoli,
ikun jixraq ferħ ir-ruħ.
Għax dal-jum ta’ festa kbira,
ta’ dik l-ikla hu t-tifkira,
meta saret l-ewwel darba.
F’dina l-ikla s-Sultan tagħna,
l-Għid il-ġdid tal-liġi l-ġdida,
temm għal kollox l-Għid qadim.
Il-qadim twarrab mill-ġdid,
dak li hu ġie flok ix-xbieha,
id-dawl biegħed dlam il-lejl.
Dak li twettaq fl-aħħar ċena,
Kristu ried jibqa’ jiġġedded,
biex ikun tifkira tiegħu.
Imgħallmin b’tagħlim imqaddes,
nibdlu l-ħobż u l-inbid tagħna
b’sagrifiċċju għas-saħħa tagħna.
Twemmin ġdid lilna l-insara,
li dal-ħobż jinbidel f’Ġisem,
u l-inbid jinbidel f’Demm.
Dak li ma tarax jew tifhem,
it-twemmin isaħħu u jwettqu,
fuq kull ordni tan-natura.
Taħt xbihat fejn aħna nilmħu
mhux il-ħajja, imma sinjali,
jinħbew ħwejjeġ hekk għeżież.
Ikel Ġismu, xorb hu Demmu;
iżda Kristu sħiħ hemm moħbi
taħt kull waħda mix-xbihat.
Sħiħ jittiekel Kristu kollu,
bla jitkisser, bla jitfarrak,
bla jinqasam minn min jieħdu.
Jieklu elf u jiekol wieħed,
kemm ħa dan, hekk jieħdu huma,
bla jintemm meta jittiekel.
Jieklu t-tajba, jieklu l-ħżiena;
imma ’l dawk iġib il-ħajja,
lil dawn jixħet fit-telfien.
Mewt għall-ħżiena, ħajja għat-tajba
ara kif jinbidel fihom,
għalkemm jieħdu l-istess ikel.
Meta l-Ostja tkun maqsuma,
la tibżax, imm’inti ftakar,
taħt ix-xbieha ta’ kull farka
hemm jinsab daqs fl-Ostja sħiħa.
Ebda ksur ma jsir fi Kristu;
biss ix-xbieha tkun miksura:
u b’dal-ksur xejn ma jitnaqqas
f’Dak li hu taħt din ix-xbieha.
* * *
Dan ħobż l-anġli, magħmul ikel
għall-bnedmin fit-triq tal-ħajja,
ikel bnin għall-ulied kollha,
li m’għandux fix-xejn jintrema.
Bi xbihat kien ilu mħabbar,
f’dik l-offerta ta’ Iżakk,
fil-ħaruf li nqatel fl-Għid,
u fil-manna tad-deżert.
Int ragħaj tajjeb, ħobż tassew,
Ġesù tagħna, ħenn għalina;
Int itmagħna u ħarisna:
Inti lilna l-ġid urina
fl-art imbierka tal-ħajjin.
Int li taf u tista’ kollox,
li titmagħna hawn f’dil-ħajja,
hemm agħmilna lkoll imsieħba,
f’għaqda waħda lkoll werrieta
mal-qtajjiet tal-qaddisin.
Amen. Hallelujah.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 6, 51
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema, jgħid il-Mulej;
jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Dan hu ġismi. Dan hu demmi.
Mk 14, 12-16.22-26
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid, id-dixxipli tiegħu qalu lil Ġesù: “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?”.
Imbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel, “Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?”. U hu jurikom kamra kbira fuq, imgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk”.
U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt, u sabu kollox kif kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla tal-Għid.
Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi”. Imbagħad ħa kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dak in-nhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla”.
Imbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu