IT-TWELID TA’ SAN ĠWANN BATTISTA – Solennita’

QUDDIESA TAL-VĠILI

L-EWWEL QARI (1: 4-12)

Qari mill‐Ktieb tal‐Profeta Ġeremija

Fi żmien Ġosija, il‐Mulej kellimni u qalli: “Qabel ma sawwartek fil‐ġuf, għaraftek; qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, qaddistek. Jien qegħidtek profeta fuq il‐ġnus.” Jien weġibt: “Ah! Sidi Mulej! Arani, ma nafx nitkellem, għandi żgħir.”

U l‐Mulej weġibni: “Tgħidx, ‘Għadni żgħir.’ Int tmur kull fejn nibagħtek, u tgħid kulma nordnalek. La tibżax minnhom, għax jiena miegħek biex neħilsek.” – Din kelma tal‐Mulej.

U l‐Mulej ħareġ idu u messli fommi; u qalli l‐Mulej: “Ara qegħidtlek kliemi fuq fommok. Ara, jiena llum qegħidtek fuq il‐ġnus u s‐saltniet, biex taqla’ u ġġarraf, biex teqred u tħott, biex tibni u tħawwel.”

Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI (Salm 70)

Rit: Minn ħdan ommi inti ħadtni!

Fik, Mulej, nistkenn;

ma jkolli qatt għax ninfixel.

Fil‐ġustizzja tiegħek ħollni u eħlisni,

mejjel widintek lejja u salvani. Rit…

 

Kun għalija sur tal‐kenn

u fortizza qawwija għall‐ħelsien tiegħi,

għax blata tiegħi u fortizza tiegħi int.

Alla tiegħi, eħlisni minn id il‐ħażin. Rit…

 

Għax int, Mulej, it‐tama tiegħi;

Mulej, inti l‐fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.

Fuqek intlaqt sa minn ġuf ommi,

minn ħdan ommi inti ħadtni. Rit…

 

Fommi jxandar il‐ġustizzja tiegħek,

kull jum is‐salvazzjoni tiegħek.

O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni;

u jiena nxandar s’issa l‐għeġubijiet tiegħek. Rit…

IT-TIENI QARI (1: 8-12)

Qari mill‐Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

Għeżież: Intom lil Ġesù Kristu ma rajtuhx, imma tħobbuh; u waqt li issa temmnu fih, għalkemm ma tarawhx, tifirħu b’ferħ li ma jitfissirx u ma jitqiesx, u hekk tiksbu l‐għan tal‐fidi tagħkom, is‐salvazzjoni ta’ ruħkom.

Fuq din is‐salvazzjoni stħarrġu u tkixxfu l‐profeti, li ħabbru l‐grazzja li kellha tkun mogħtija lilkom; huma kienu jitkixxfu f’min u f’liema żmien kien qiegħed jaħseb l‐Ispirtu ta’ Kristu, li kien fihom, meta kien jixhed minn qabel fuq it‐tbatijiet ta’ Kristu u fuq il‐glorji tiegħu li kellhom jiġu warajhom. Lilhom kien mgħarraf li mhux għalihom infushom, imma għalikom, kien jiswa dak li huma kienu jħabbru, u li issa kien imxandar lilkom minn dawk li, bil‐qawwa tal‐Ispirtu s‐Santu mibgħut mis‐sema, qegħdin jagħtukom il‐Bxara t‐Tajba. Dawn huma ħwejjeġ li mqar l‐anġli jixtiequ jifhmuhom.

Il-Kelma tal-Mulej.

Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. Hallelujah. (Ġw 1:7; Lq 1:17)

Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad‐dawl, biex ilesti lill‐Mulej poplu mħejji sewwa. Hallelujah!

 

L-EVANĠELJU (1: 5-17)

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Fi żmien Erodi, sultan tal‐Lhudija, kien hemm qassis, jismu Żakkarija, mit‐taqsima ta’ Abija; il‐mara tiegħu kienet minn ulied Aron, u kien jisimha Eliżabetta. It‐tnejn kienu nies ġusti quddiem Alla u kienu jimxu bla nuqqas ta’ xejn skont il‐preċetti u l‐kmandamenti kollha tal‐Mulej. Ulied ma kellhomx, għax Eliżabetta ma setax ikollha, u t‐tnejn kienu mdaħħlin fiż‐żmien.

Mela ġara li Żakkarija kien qiegħed jaqdi dmiru ta’ qassis quddiem Alla, billi kien imissha t‐taqsima tiegħu; u ntgħażel hu bix‐xorti biex, skont id‐drawwa tal‐liturġija, jidħol jaħraq l‐inċens fit‐Tempju tal‐Mulej. U l‐kotra kollha tal‐poplu kienet barra titlob fil‐ħin tal‐inċens.  U deherlu anġlu tal‐Mulej, wieqaf in‐naħa tal‐lemin tal‐altar tal‐inċens. Żakkarija, malli rah, tħawwad u waqa’ fuqu l‐biża’. Imma l‐anġlu qallu: “Tibżax, Żakkarija, għax it‐talba tiegħek instemgħet; martek Eliżabetta sa tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni. Din tkun għalik ħaġa li tqanqlek bil‐ferħ u thennik ħafna, u jkunu ħafna dawk li jifirħu bit‐twelid tiegħu. Għax hu jkun kbir quddiem il‐Mulej; ma jkun jixrob ebda nbid jew xorb qawwi, u jimtela bl‐Ispirtu s‐Santu sa minn ġuf ommu. Huwa jreġġa’ ħafna minn ulied Israel lejn il‐Mulej, Alla tagħhom, u hu nnifsu ġej qablu mimli bl‐ispirtu u l‐qawwa ta’ Elija, biex ireġġa’ l‐qlub tal‐missirijiet lejn uliedhom, u lil dawk li ma jridux jobdu jreġġagħhom għall‐għaqal tal‐ġusti, ħalli b’hekk lill‐Mulej ilestilu poplu mħejji sewwa.”

Il-Kelma tal-Mulej. Tifħir lilek Kristu.

Talbiet ta’ Intercessjoni

 Alla għażel lil Ġwanni l-Battista u bagħtu jħabbar lill-bnedmin li s-saltna tal-Messija waslet.  Imqanqlin bil-ferħ tat-twelid tiegħu, indawru ħsibijietna lejn il-Mulej u nuruh ix-xewqat tagħna.

Nitolbuk, Mulej, isseddaq fil-ħidma tagħhom lill-Papa, l-Isqfijiet, is-saċerdoti, id-djakni, u ’l dawk li, bħal San Gwann Battista, iwasslulna l-Bxara t-Tajba tas-salvazzjoni.

Nitolbu…

Nitolbuk, Mulej, għall-ommijiet kollha biex jagħrfu d-dinjità kbira u għolja tagħhom fit-trobbija ta’ wliedhom

Nitolbu…

Nitolbuk, Mulej, għal dawk il-koppji miżżewġa li jixtiequ jkollhom tarbija biex tbierek ix-xewqa qaddisa u ġenwina tagħhom.

Nitolbu…

Nitolbuk, Mulej, għal dawk li qed jaħsbu biex ineħħu l-ħajja ta’ min għadu ma twelidx, dawrilhom ħsiebhom biex jagħrfu d-dinjità ta’ kull persuna maħluqa minnek.

Nitolbu….

Nitolbuk, Mulej, għal dawk li m’humiex juru responsabbiltà f’ħajjithom u qed jingħataw għal kull xorta ta’ vizzji  biex iddawwlilhom moħħhom u tagħtihom il-grazzja tal-fejqan tiegħek.

Nitolbu…

Ieqaf, Mulej, ma’ dawk li, bħal San Gwann Battista, huma profeti fi żmienna; agħtihom fidi,  kuraġġ u perseveranza biex ikomplu l-ħidma diffiċli li afdajtilhom f’idejhom.

Bi Kristu Sidna.

Ammen.

QUDDIESA TAL-JUM

 

L-EWWEL QARI (49: 1-6)

Qari mill‐Ktieb tal‐Profeta Isaija

Isimgħuni, gżejjer, agħtuni widen, popli mbiegħda! Il‐Mulej mill‐ġuf sejjaħli, minn ħdan ommi ftakar f’ismi. Għamilli fommi xabla msinna, taħt id‐dell ta’ idu ħbieni. Għamel minni vleġġa maħtura, fil‐barżakka tiegħu ħbieni. U qalli: “Israel, inti l‐qaddej tiegħi, bik jiena nkun imfaħħar.”

U jien għidt: “Għalxejn inkeddejt, u fix‐xejn ħlejt saħħti.” Imma l‐ġustizzja tiegħi fil‐Mulej u l‐ħlas tiegħi għand Alla tiegħi.

U issa tkellem il‐Mulej, li minn ħdan ommi għamilni qaddej tiegħu, biex għandu rreġġa’ lura ’l Ġakobb u biex Israel jinġabar miegħu mill‐ġdid, għax jien kont imfaħħar f’għajnejn il‐Mulej, u Alla tiegħi kien il‐qawwa tiegħi. Hu qalli: “Tkun ħaġa żgħira wisq għalik li inti tkun il‐qaddej tiegħi biex tqajjem biss it‐tribù ta’ Ġakobb u treġġa’ lura l‐fdal ta’ Israel. Jien nagħmel minnek dawl għall‐ġnus, biex is‐salvazzjoni tiegħi sa truf l‐art tinfirex.”

Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI (Salm 138)

Rit: Irroddlok ħajr, għax tal‐għaġeb għamiltni!

 

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;

int taf meta noqgħod u meta nqum,

int tagħraf mill‐bogħod ħsibijieti.

Int tagħraf il‐mixi u l‐waqfien tiegħi;

triqati kollha inti tafhom sewwa. Rit…

 

Int sawwart il‐ġewwieni tiegħi,

u f’ġuf ommi inti nsiġtni.

Irroddlok ħajr, għax tal‐għaġeb għamiltni:

tal‐għaġeb huma l‐għemejjel tiegħek. Rit…

 

U ’l ruħi inti tafha tajjeb.

Ma kienx moħbi għadmi minnek,

meta kont qiegħed insir fis‐satra

u nintiseġ fil‐qigħan tal‐art. Rit…

IT-TIENI QARI (13: 22-26)

Qari mill‐Ktieb tal‐Atti tal‐Appostli

F’dak iż‐żmien: Pawlu qal: “Alla, lil missirijietna, qiegħed ’il David bħala sultan tagħhom, li għalih ta din ix‐xhieda: ‘Sibt ’il David, bin Ġesse, raġel skont qalbi li jagħmel dak kollu li rrid jien.’ Hu minn nislu li Alla, skont il‐wegħda tiegħu, ġieb għal Israel salvatur, li hu Ġesù. Qabel il‐miġja tiegħu, Ġwanni deher ixandar magħmudija ta’ ndiema lill‐poplu kollu ta’ Israel.

U meta kien wasal fi tmiem il‐ħidma tiegħu, Ġwanni qal: ‘Jien miniex dak li intom taħsbu li jien. Dan ġej warajja, u jien anqas jistħoqqli nħoll il‐qorq ta’ riġlejh.’ Ħuti, ulied in‐nisel ta’ Abraham, u intom li tibżgħu minn Alla, lilna kienet mibgħuta l‐bxara ta’ din is‐salvazzjoni.”

Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. Hallelujah. (Lq 1: 76)

Int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal‐Għoli, għax tmur qabel il‐Mulej biex tħejjilu triqatu. Hallelujah!

L-EVANĠELJU (1: 57-66.80)

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Eliżabetta għalqilha ż‐żmien li teħles, u kellha tifel. Il‐ġirien u qrabatha semgħu li l‐Mulej wera ħniena kbira magħha, u marru jifirħu magħha. Meta mbagħad fit‐tmien jum ġew biex jagħmlu ċ‐ċirkonċiżjoni lit‐tifel, riedu jsemmuh Żakkarija, għal missieru; imma qabżet ommu u qalet: “Le, imma Ġwanni jkun jismu.” Qalulha: “Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek!”

Imbagħad bdew jistaqsu bis‐sinjali lil missieru x’ried isemmih, u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk: “Ismu huwa Ġwanni.” U kulħadd baqa’ mistagħġeb. Dak il‐ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu, ilsienu nħall, u beda jitkellem u jfaħħar ’l Alla.

U l‐ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il‐biza’, u bdew ixerrdu dawn il‐ġrajjiet kollha mal‐għoljiet kollha tal‐Lhudija, u kull min kien jismagħhom kien iżommhom f’qalbu u jgħid: “Mela x’għad ikun dan it‐tifel?” U tassew, id il‐Mulej kienet miegħu. It‐tifel kiber u ssaħħaħ f’ruħu, u baqa’ jgħix fid‐deżert sa dakinhar li ħareġ quddiem Israel.

Il-Kelma tal-Mulej.

Tifħir lilek Kristu.

Talbiet ta’ Intercessjoni

Alla għażel lil Ġwanni l-Battista u bagħtu jħabbar lill-bnedmin li s-saltna tal-Messija waslet.  Imqanqlin bil-ferħ tat-twelid tiegħu, indawru ħsibijietna lejn il-Mulej u nuruh ix-xewqat tagħna.

Nitolbuk, Mulej, isseddaq fil-ħidma tagħhom lill-Papa, l-Isqfijiet, is-saċerdoti, id-djakni, u ’l dawk li, bħal San Gwann Battista, iwasslulna l-Bxara t-Tajba tas-salvazzjoni.

Nitolbu…

Nitolbuk, Mulej, għall-ommijiet kollha biex jagħrfu d-dinjità kbira u għolja tagħhom fit-trobbija ta’ wliedhom

Nitolbu…

Nitolbuk, Mulej, għal dawk il-koppji miżżewġa li jixtiequ jkollhom tarbija biex tbierek ix-xewqa qaddisa u ġenwina tagħhom.

Nitolbu…

Nitolbuk, Mulej, għal dawk li qed jaħsbu biex ineħħu l-ħajja ta’ min għadu ma twelidx, dawrilhom ħsiebhom biex jagħrfu d-dinjità ta’ kull persuna maħluqa minnek.

Nitolbu….

Nitolbuk, Mulej, għal dawk li m’humiex juru responsabbiltà f’ħajjithom u qed jingħataw għal kull xorta ta’ vizzji  biex iddawwlilhom moħħhom u tagħtihom il-grazzja tal-fejqan tiegħek.

Nitolbu…

Ieqaf, Mulej, ma’ dawk li, bħal San Gwann Battista, huma profeti fi żmienna; agħtihom fidi,  kuraġġ u perseveranza biex ikomplu l-ħidma diffiċli li afdajtilhom f’idejhom.

Bi Kristu Sidna.

Ammen.

About the author

Ikkummenta