Qari I
Nies ta’ ras iebsa huma: ħa jkunu jafu li hemm profeta ġo nofshom.
Eżek 2, 2-5
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel
F’dak iż-żmien, daħal fija l-ispirtu u waqqafni fuq riġlejja; u smajt x’kien qiegħed jgħidli. Qalli: “O bniedem, qiegħed nibagħtek għand ulied Iżrael, ġens ta’ nies rashom iebsa, li rvellaw kontra tiegħi; dinbu kontra tiegħi, huma u missirijiethom sal-lum stess. Huma nies wiċċhom sfiq u qalbhom iebsa. Se nibagħtek għandhom, biex tgħidilhom: ‘Dan jgħid Sidi l-Mulej’. Jisimgħu u ma jisimgħux – nies ta’ ras iebsa huma – ħa jkunu jafu li hemm profeta f’nofshom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 122 (123), 1-2a.2bċd.3-4
R/. (2ċd): Għajnejna lejn il-Mulej, sa ma jkollu ħniena minna
Lejk nerfa’ għajnejja,
int li tgħammar fis-smewwiet.
Ara, bħal għajnejn il-qaddejja
lejn id sidhom; hekk għajnejna lejn il-Mulej. R/.
Bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;
hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna,
sa ma jkollu ħniena minna. R/.
Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina,
għax mitmugħa sax-xaba’ bit-tagħjir.
Imxebbgħa għall-aħħar ruħna
biż-żebliħ tal-għonja, bit-tagħjir tal-kburin. R/.
Qari II
Niftaħar b’dak li hu dgħajjef fija, biex tistrieħ fuqi l-qawwa ta’ Kristu.
2 Kor 12, 7-10
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, biex ma mmurx nintefaħ bija nnifsi minħabba fil-kobor tar-rivelazzjonijiet, tqegħditli xewka f’ġismi, messaġġiera tax-Xitan, biex toqgħod tniggiżni ħalli ma nintefaħx.
Fuq hekk tliet darbiet tlabt il-Mulej biex hi titbiegħed minni. Iżda hu weġibni: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef”.
Għalhekk niftaħar minn qalbi l-aktar bid-debbulizzi tiegħi biex il-qawwa ta’ Kristu tgħammar fija. Mela bil-qalb kollha nitgħaxxaq bid-debbulizzi tiegħi, bit-tagħjir, bl-għaks, bil-persekuzzjonijiet, bid-dwejjaq minħabba Kristu; għax meta nkun dgħajjef, inkun qawwi.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lq 4, 18
Hallelujah. R/. Hallelujah
L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu.
Mk 6, 1-6
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien Ġesù mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu. Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet kbar b’idejh? Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet mhumiex hawn magħna?” U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih.
Qalilhom Ġesù: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess”. U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; u baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom. U mar idur l-irħula ta’ dawk l-inħawi jgħallem.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu