Qari I
Kulu l-ħobż tiegħi, u ixorbu l-inbid li ħejjejtilkom.
Prov 9, 1-6
Qari mill-Ktieb tal-Proverbji
L-għerf bena d-dar tiegħu,
waqqaf is-seba’ kolonni tagħha;
qatel il-bhejjem imsemmna,
ħejja l-inbid u l-mejda tiegħu.
U bagħat il-qaddejja
jxandru l-istedina minn fuq l-imkejjen għolja tal-belt:
“Min hu ċkejken ħa jiġi għandi!”.
U lil min hu bla moħħ jgħidlu:
“Ejjew, kulu l-ħobż tiegħi
u ixorbu l-inbid li ħejjejt għalikom.
Warrbu l-bluhat tagħkom, u tgħixu,
u timxu ’l quddiem fl-għaqal”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 33 (34), 2-3.10-11.12-13.14-15
R/. (9a): Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej
Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.
Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu;
xejn ma jonqsu min jibża’ minnu.
Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ;
min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu. R/.
Ejjew uliedi, isimgħu lili;
jiena l-biża’ tal-Mulej ngħallimkom.
Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja,
u jixtieq jara għomru kollu riżq? R/.
Ħares ilsienek mill-ħażen,
u xufftejk minn kliem il-qerq.
Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb,
fittex is-sliem u imxi warajh. R/.
Qari II
Fittxu x’inhi r-rieda tal-Mulej.
Efes 5, 15-20
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti, qisu sewwa kif iġġibu ruħkom, mhux bħal nies bla dehen, iżda bħal nies għorrief, li jgħożżu ż-żmien, għaliex ħżiena huma l-jiem. Għalhekk tkunux bla għaqal, imma fittxu x’inhi r-rieda tal-Mulej.
U tiskrux bl-inbid, li fih hemm ħajja bla lġiem, iżda mtlew bl-Ispirtu. Kantaw flimkien salmi, innijiet u għana spiritwali; kantaw u għannu minn qalbkom lill-Mulej. Roddu dejjem ħajr għal kollox lil Alla u l-Missier, f’isem Sidna Ġesù Kristu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 6, 56
Hallelujah. R/. Hallelujah
Min jiekol ġismi u jixrob demmi
jibqa’ fija u jiena fih.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ġismi huwa ikel tassew, u demmi hu xorb tassew.
Ġw 6, 51-58
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”.
Fuq hekk il-Lhud tlewwmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”.
Ġesù mela qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb. Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.
Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu