Programm tal-Festa Titulari ta’ San Ġiljan Ospitalier

 

It-Tnejn 13 ta’ Awwissu – Il-125 Anniversarju tal-wasla tal-vara titulari ta’ San Ġiljan

Fis-7.00pm Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali l-Antika (ta’ Lapsi).  Iqaddes il-Kappillan Fr Claude Portelli.  Il-quddiesa tkun animata mis-St Julians Choral Group.

Wara l-Quddiesa għal ħabta tat-7.45pm jibda l-programm tal-inawgurazzjoni  li se jikkonsisti minn mumenti mużikali bis-sehem ta’ l-arpista Jacob Portelli u l-mezzo sopran Christine Dalli, diskors tal-okkażjoni mill-Kappillan u preżentazzjoni tax-xogħol ta’ restawr tal-vara mis-Sinjura Valentina Lupo, mill-Atelier  del Restauro, li ħadu ħsieb ix-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni fuq il-Vara Titulari.  Wara jsir il-kxif tal-Vara Titulari, waqt li jitkanta l-Innu Popolari lil San Ġiljan mis-St Julian’s choral group.

 

Is-Sibt 18 ta’ Awwissu

7.45pm Quddiesa fix-xatt mill-Kappillan Fr Claude Portelli (illum ma ssirx il-quddiesa tat-7.45pm fil-Knisja Parrokkjali). Wara l-quddiesa jkun hemm Lejla Maltija fl-istess post bis-sehem tal-Banda San Ġiljan.

 

Il-Ħadd, 19 ta’Awwissu – Jum il-Familja

7.00pm Fil-Knisja Parrokkjali, ser tiġi organizzata quddiesa għall-familji. Mistiedna b’mod speċjali l-koppji li kienu żżewġu mill-festa tas-sena l-oħra sal-lum, koppji li għalqu 25 jew 50 sena miżżewġin, speċjalment dawk li kienu l-ewwel koppji li żżewġu meta nfetħet il-knisja parrokkjali ħamsin sena ilu. Jiċċelebra l-quddiesa il-Kappillan Fr Claude Portelli.

It-Tnejn, 20 ta’ Awwissu – Ħruġ tal-Vara

7.00pm Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali l-Antika (Lapsi) fis-7.00pm.  Janima is-St. Julian’s Choral Group immexxi mis-Sur Pio Dalli. Jqaddes il-Kappillan Fr Claude Portelli.

Wara l-quddiesa l-vara titulari ta’ San Ġiljan tinħareġ mill-Knisja ta’ Lapsi u tittieħed lejn il-Knisja Parrokkjali akkumpanjata mis-St Julians Scouts u miż-żewġ baned tal-lokal.  Meta tasal fuq iz-zuntier tal-Knisja jindaqq ukoll l-Innu Popolari ta’ San Ġiljan.

It-Tlieta, 21 ta’ Awwissu – Jum l-Anzjani u l-Morda

6.30pm Fil-Knisja Parrokkjali l-Antika (ta’ Lapsi), tiġi ċċelebrata quddiesa għall-anzjani u l-morda, organizzata mill-Kummissjoni Djakonija, li fiha jiġi amministrat is-sagrament tal-Griżma tal-Morda.  Il-quddiesa tkun immexxija minn W.R. Kan. Robert Grech, Kappillan tas-Swatar, u animata mis-St Julian’s Choral Group.

Wara jkun hemm riċeviment żgħir għall-anzjani fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ Lapsi.

Fis-7.00pm ikun hemm quddiesa xorta waħda fil-Knisja Parrokkjali.

L-Erbgħa, 22 ta’ Awwissu – Jum it-Tfal

7.00pm Fil-Knisja Parrokkjali ser tiġi ċċelebrata quddiesa għat-tfal minn Fr Paul Mizzi, viċi Kappillan, animata mill-Folk Group.

Wara ssir manifestazzjoni għat-tfal bl-istatwa ta’ San Ġiljan mill-Knisja Parrokkjali u tgħaddi minn Triq il-Kbria, Triq Lapsi sal-Knisja ta’ Lapsi. Il-purċissjoni tiġi akkumpanjata mill-Banda Spinola.

Il-Ħamis, 23 ta’ Awwissu – Jum l-Għaqdiet

7.00pm Fil-Knisja Parrokkjali ser tiġi organizzata quddiesa mill-Kunsill Pastorali Parrokkjali li għaliha huma mistiedna l-kummissjonijiet parrokkjali u l-għaqdiet reliġjużi u soċjali tal-parroċċa. Il-quddiesa ser tiġi ċċelebrata minn L-E.T. Mons Alessandro D’Errico, Nunzju Appostoliku għal Malta, u ser tkun animata mis-St Julian’s Choral Group.

 

F’din il-quddiesa, il-membri tal-kummissjonijiet u l-għaqdiet jippreżentaw l-għotja tagħhom lill-Kappillan, li din is-sena se tmur b’risq il-proġetti ta’ karità tal-Parroċċa.

Il-Ġimgħa, 24 ta’ Awwissu  

6.00pm Fil-Knisja Parrokkjali l-Antika (Ta’ Lapsi), quddiesa letta mill-W.R. Dun Ryan Lee Pace. Wara l-quddiesa, il-Kan. David J. Cilia jinseġ prietka b’tifħir u glorja lil San Ġiljan.

Hekk kif tintemm il-prietka, tingħad il-kurunella, isir il-kant tal-Innu tal-Istrofi Nomine Insignem u l-Antifona Beate Juliane (1847). Fl-aħħar tingħata l-Barka Sagramentali. Il-liturġija ser tiġi ppreseduta mill-W.R. Dun Ryan Lee Pace.

Wara jkun hemm riċeviment żgħir fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ Lapsi.

Jum il-Preżentazzjoni tat-trabi fil-Knisja Parrokkjali

7.00pm Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali, iqaddes Fr Blake Camilleri, Kappillan ta’ Ibraġ, u janima s-St Julian’s Choral Group. Għal din il-quddiesa mistiedna wkoll dawk li rċevew il-magħmudija fil-knisja Parrokkjali meta nfetħet ħamsin sena ilu. Fi tmiem il-quddiesa jiġu ppreżentati t-trabi lil San Ġiljan.

Is-Sibt, 25 ta’ Awwissu – Lejliet il-Festa

5.00pm Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali l-Antika (Ta’ Lapsi) immexxija mill-W.R. Patri Aaron Zahra.

5.45pm Translazzjoni solenni bir-relikwa ta’ San Ġiljan mill-Knisja Parrokkjali l-Antika (ta’ Lapsi) sal-Knisja Parrokkjali mmexxija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex.

Wara t-Translazzjoni issir Quddiesa Solenni mmexxija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex.  Jieħdu sehem l-Amadeus Chamber Choir u l-orkestra mmexxija minn Mro. Brian Cefai.  (Illum ma ssirx il-quddiesa fit-7.45pm.) 

Il-Ħadd, 26 ta’ Awwissu – Jum il-Festa

Il-ħin tal-quddies: 8.00am, 9.00am (Knisja ta’ Lapsi), 9.30am (Solenni), 11.30am (minflok tal-12.15pm).

9.30am Fil-Knisja Parrokkjali, Quddiesa Pontifikali mmexxija minn E.T. Mons J. Galea Curmi, Isqof Awżiljarju u Isqof Titulari ta’ Cebarades, flimkien mal-kleru tal-parroċċa.  Paniġirku minsuġ minn Patri Victor Paul Farrugia, O. Carm.  Il-quddiesa tkun animata mill-Amadeus Chamber Choir u l-orkestra mmexxija minn Mro. Brian Cefai.

6.00pm Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali qabel il-ħruġ tal-purċissjoni.

7.00pm Ħruġ tal-purċissjoni bl-istatwa artistika ta’ San Ġiljan, immexxija minn Djaknu Aayrton Muscat, li bħalissa qed jgħamel esperjenza fil-parroċċa tagħna. Jingħata salut mill-kaċċaturi. Is-Soċjetà Filarmonika G.M. Fra Antoine de Paule Banda Kristu Re, Paola, iddoqq l-innu popolari u wara takkumpanja l-purċissjoni matul it-toroq: Forrest, Mensija, San Ġorġ, il-Kbira, Lapsi, Sant’Anġlu, Telgħet Birkirkara, il-Kbira u Ġorġ Borg Olivier.

 

8.00pm Marċ mill-Għaqda Mużikali San Gabrijel ta’ Ħal Balzan tul Triq Ġorġ Borġ Olivier. Wara tilqa’ l-istatwa titulari ta’ San Ġiljan fil-pjazza u takkumpanjaha sal-Knisja.

10.15pm Il-Ġiljaniżi jkunu jistgħu jerfgħu l-vara ta’ San Ġiljan tul Triq Wied Għomor sal-pont tal-Knisja. 

11.00pm Dħul tal-purċissjoni fil-Knisja, milqugħa bil-kant tal-antifona Beate Juliane ta’ Dr. Paolo Nani mill-Amadeus Chamber Choir. Wara ssir Ċelebrazzjoni Ewkaristika u jitkanta l-Innu ta’ San Ġiljan.

About the author

Ikkummenta