Qari I
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni
Is 50, 5-9a
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Sidi l-Mulej fetaħli widinti,
u jiena ma webbistx rasi,
ma rġajtx lura.
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,
ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti;
ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.
Sidi l-Mulej jgħinni,
għalhekk ma nitħawwadx;
għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:
jien naf li ma jkollix mniex nistħi.
Dak li jagħmel ġustizzja miegħi jinsab fil-qrib.
Min se jeħodha miegħi?
Ħa noqogħdu għall-ħaqq flimkien!
Min hu kontrija? Ħa jersaq lejja!
Ara, Sidi l-Mulej jgħinni:
min se jagħtini t-tort?
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 114 (116), 1-2.3-4.5-6.8-9
R/. (9): Jien nimxi quddiem il-Mulej f’art il-ħajjin
Inħobb il-Mulej,
għax sama’ leħen it-tħannin tiegħi;
għaliex hu tani widen
fil-jum li fih sejjaħtlu. R/.
Il-ħbula tal-mewt dawruni,
l-irbit tal-imwiet ħakimni;
fin-niket u l-hemm sibt ruħi.
Imma isem il-Mulej sejjaħt:
“Mulej, nitolbok, salvani!” R/.
Ħanin il-Mulej, u ġust;
twajjeb hu Alla tagħna.
Iħares id-dgħajfa l-Mulej;
jien kont magħkus, u hu ħelisni. R/.
Għax mill-mewt ħelisli ’l ħajti,
lil għajnejja mid-dmugħ
u ’l riġlejja mit-tfixkil.
Jien nimxi quddiem il-Mulej
f’art il-ħajjin. R/.
Qari II
Il-fidi mingħajr l-għemil hi mejta.
Ġak 2, 14-18
Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu
X’jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu? Jaqaw tista’ ssalvah din il-fidi? Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x’jilbsu u jonqoshom l-ikel ta’ kuljum, u wieħed minnkom jgħidilhom: “Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu”, bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x’jiswa? Hekk ukoll il-fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta fiha nfisha.
Imma xi ħadd jista’ jgħid: “Int għandek il-fidi, u jiena l-għemil”. Urini l-fidi tiegħek mingħajr l-għemil, u jien nurik il-fidi tiegħi mill-għemil tiegħi.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Gal 6, 14
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ma jkun qatt li niftaħar
jekk mhux bis-salib ta’ Ġesù Kristu,
li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Hu meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna.
Mk 8, 27-35
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, telaq Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn l-irħula ta’ Ċesarija ta’ Filippu. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: “Min jgħidu n-nies li jien?” Weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed mill-profeti”. Staqsiehom: “Imma intom, min tgħidu li jien?”.
Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija”. Imbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu. U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum. Fuq dan kellimhom ċar. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu. Iżda hu dar iħares lejn id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!”.
Sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha. Għax x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu?”.