Dan l-aħħar ġie mwaħħal il-poġġaman fl-aħħar parti taz-zuntier tal-knisja parrokjali ta’ San Ġiljan. B’hekk issa iz-zuntier huwa komplut u miftuħ kollu kemm hu għall-aċċess tal-pubbliku. Tweħħlu wkoll sett ta’ sitt arbli għall-bnadar. Dawn l-arbli jistgħu jintużaw għall-dekorazzjonijiet oħra bħal fi żmien il-Milied jew slaleb tad-dwal fi żmien ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa.
Kif wiegħed il-kappillan ftit aktar minn sen’ilu, issa verament għandna zuntier isbaħ, akbar, aktar komdu u mdawwal ħafna. Zuntier li jista’ jitgawda minn dawk kollha li jiffrekwentaw il-knisja parrokjali ta’ San Ġiljan.
Wieħed jinnota li wara l-quddiesa kemm ta’ matul il-ġimgħa u aktar u aktar speċjalment tal-Ħadd huma ħafna dawk li jispiċċaw jgħidu kelma fuq iz-zuntier kemm fi gruppi u anke mas-saċerdot li jkun qaddes. Anke t-tfal qed jaraw differenza u jispiċċaw jilgħabu bejniethom.
Nappellaw lil kulħadd biex jieħdu ħsieb l-ambjent tal-madwar ħalli dan il-proġett ikun jista jitgawda minn kulħadd inkluż mill-ġenerazzjonijiet futuri.