Qari I
Minnek għad joħroġli dak li jkun prinċep f’Iżrael.
Mikea 5, 1-4a
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Mikea
Dan jgħid il-Mulej:
“Int, Betlehem ta’ Efrata,
ċkejkna fost il-familji ta’ Ġuda,
minnek għad joħroġli
dak li jkun prinċep f’Iżrael;
hu għandu l-bidu tiegħu mill-qedem,
sa minn dejjem ta’ dejjem.
Għalhekk il-Mulej jitlaqhom
sa meta teħles dik li hi fl-uġigħ tal-ħlas;
imbagħad il-bqija ta’ ħutu
jerġgħu lura fost ulied Iżrael.
U hu joqgħod jirgħa l-merħla tiegħu
bil-qawwa tal-Mulej, bil-glorja ta’ isem il-Mulej, Alla tiegħu.
U huma jgħammru fiż-żgur,
għax issa tkun kbira setgħetu,
sa trufijiet l-art.
U dan ikun is-sliem!”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 79 (80), 2aċ u 3b. 15-16. 18-19
R/. (4): Mulej, itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi
O Ragħaj ta’ Iżrael, agħti widen,
int li qiegħed fuq il-kerubini, iddi.
Qajjem il-qawwa tiegħek,
u ejja ħa ssalvana. R/.
Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti;
ħares mis-sema, u ara,
u żur ’il din id-dielja.
Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek,
ir-rimja li int kabbart għalik. R/.
Ħa tkun idek fuq il-bniedem ta’ lemintek,
fuq il-bniedem li int saħħaħt għalik.
Aħna ma nitbegħdux minnek;
roddilna l-ħajja, u aħna nsejħu ismek. R/.
Qari II
Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek.
Lhud 10, 5-10
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, Kristu meta daħal fid-dinja qal:
“Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx,
imma ġisem int ħejjejt għalija;
vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet
lilek ma għoġbukx.
Jien imbagħad għedt: “Hawn jien, ġejt
biex nagħmel ir-rieda tiegħek, O Alla,
kif fil-ktieb hemm miktub fuqi”.“
L-ewwel qal: “Sagrifiċċji u offerti, vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet, la ridthom u lanqas għoġbuk”, għalkemm dawn titlobhom il-Liġi. Imbagħad qal: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek”. B’hekk Alla neħħa s-sagrifiċċji tal-ewwel biex iqiegħed flokhom tat-tieni. Bis-saħħa ta’ din ir-rieda aħna konna mqaddsin, permezz tal-offerta tal-ġisem ta’ Ġesù Kristu magħmula darba għal dejjem.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lq 1, 38
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej:
ħa jsir minni skont kelmtek!
R/. Hallelujah
Evanġelju
U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?
Lq 1, 39-45
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu