Messaġġ mill-kappillan għal Diċembru 2018

L-Avvent reġa’ magħna

L-Avvent hu ż-żmien mogħti lilna biex nilqgħu lill-Mulej li jiġi jiltaqa’ magħna, u wkoll biex neżaminaw kemm aħna mixtiqin għal Alla, biex inħarsu ‘l quddiem u nħejju ruħna għall-miġja mill-ġdid ta’ Kristu.  Hu jiġi lura għandna fil-festa tal-Milied, meta aħna nagħmlu l-memorja tal-miġja storika tiegħu fl-umiltà tal-kundizzjoni umana; imma jiġi ġewwa fina kull darba li aħna nkunu disposti li nilqgħuh, u jerġa’ jiġi mill-ġdid fl-aħħar biex “jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin”.  Għaldaqstant aħna għandna dejjem nishru u nistennew lill-Mulej bit-tama li niltaqgħu miegħu.  Il-liturġija tal-lum tintroduċilna propju dan is-suġġett suġġestiv tas-sahra u l-istennija.

Fl-Evanġelju (Mk 13,33-37), Ġesù jħeġġiġna biex inkunu dejjem lesti u biex nishru, biex inkunu mħejjija ħalli nilqgħuh meta jerġa’ jiġi.  Jgħidilna: “Kunu lesti, ishru għax ma tafux is-siegħa (…);  araw li meta jasal il-waqt f’ħin bla waqt, ma tkunux reqdin” (vv 33-36).

Il-bniedem li jkun dejjem lest hu dak li, fost il-ħsejjes tad-dinja, ma jħallix id-distrazzjoni u s-superfiċjalità jirkbuh, imma jgħix il-milja tal-ħajja bl-għarfien tiegħu innifsu, li t-tħassib tiegħu huwa qabel kollox għal ħaddieħor.  B’dan l-atteġġjament aħna nindunaw bid-dmugħ u l-ħtiġijiet tal-proxxmu u nkunu nistgħu nifhmu wkoll il-ħiliet u l-kwalitajiet umani u spiritwali tiegħu.  Il-persuna li tkun tishar iddawwar ħarsitha wkoll lejn id-dinja, u tfittex teħodha kontra l-indifferenza u l-krudeltà li tinsab fiha, filwaqt li tifraħ bit-teżori tal-ġmiel li jeżistu wkoll u li għandhom ikunu mħarsa.  Ifisser li ħarsitna tifhem, biex tagħraf il-miżerji u l-faqar tal-individwi tas-soċjetà, kif tagħraf ukoll l-għana moħbi fl-affarijiet iż-żgħar ta’ kuljum, propju hemm fejn qegħedna l-Mulej.

Il-persuna attenta hi dik li tilqa’ l-istedina biex tishar, jiġifieri li ma tħallix il-ħedla tal-iskoraġġiment taħkimha, in-nuqqas ta’ tama, id-delużjoni; u, fl-istess waqt, tirrifjuta l-lixka ta’ tant vanitajiet li bihom hi mfawra d-dinja u li kultant, minħabba fihom tissagrifika l-hena personali u dik tal-familja.  Hija l-esperjenza ta’ niket tal-poplu ta’ Iżrael kif jirraukkuntahielna l-Profeta Iżaija: Alla donnu ħalla l-poplu jħuf bogħod minn triqatu (63,17), imma dan kien effett tal-infedeltà tal-istess poplu (64, 4b).  Ta’ spiss aħna wkoll insibu ruħna f’dis-sitwazzjoni ta’ infedeltà għas-sejħa tal-Mulej: Hu jurina t-triq it-tajba, it-triq tal-fidi, it-triq tal-imħabba, imma aħna nfittxu l-hena tagħna xi mkien ieħor.

Li nishru u nkunu attenti huma l-kundizzjonijiet biex aħna ma nkomplux “inħufu bogħod mit-toroq tal-Mulej”, mitlufin fi dnubietna u fl-infedeltajiet tagħna; li nkunu attenti u nishru huma l-kundizzjonijiet biex nippermettu lil Alla jinfed l-eżistenza tagħna, biex iroddilha lura tifsira u valur bil-preżenza tiegħu mimlija tjieba u tenerezza.  Marija Santissma, mudell tal-istennija ta’ Alla u ikona tas-sahra, tmexxina lejn il-laqgħa ma’ Binha Ġesù, billi terġa’ tkebbes fina l-imħabba lejH.

About the author

Ikkummenta