Messaġġ mill-Kappillan għax-xahar ta’ Jannar

Flimkien mal-Mulej fis-Sena Ġdida

Il-festi sbieħ tal-Milied jiġu fi tmiemhom biċ-ċelebrazzjoni tal-Epifanija u eżatt warajha l-festa tal-Magħmudija tal-Mulej. Wara li Ġesù irċieva l-magħmudija minn Ġwanni fix-xmara Ġordan, “infetħu s-smewwiet għalih” (Mt 3,16).  Dan iwassal fis-seħħ il-profeziji.  Fil-fatt, hemm il-vokazzjoni li l-liturġija tal-Avvent tfakkarna minn żmien għal żmien: “Mhux li kien iċċarrat is-smewwiet u tinżel!” (Iż. 63,19).  Jekk is-smewwiet jibqgħu magħluqin, l-orizzont tal-ħajja tagħna fuq din l-art jibqa’ mdallam, imċaħħad mit-tama.  Imma, bit-tifkira tal-Milied, il-fidi tagħna għal darb’oħra taċċertana li s-smewwiet reġgħu iċċartu bil-miġja ta’ Ġesù.  U f’jum il-magħmudija ta’ Ġesù għal darb’oħra nħarsu lejn is-smewwiet miftuħa.  Id-dehra tal-Iben ta’ Alla fuq l-art timmarka l-bidu ta’ żmien qawwi ta’ ħniena, wara li d-dnub kien għalaq is-smewwiet, u tella’ bħal qisu ħajt bejn il-bniedem u l-Ħallieq tiegħu.  Bit-twelid ta’ Ġesù is-smewwiet jinfetħu.  F’Ġesù Alla jtina l-garanzija ta’ mħabba li ma tistax tinqered.  Minn mindu l-Verb sar bniedem nistgħu għalhekk naraw is-smewwiet miftuħa.  Dan kien possibbli għar-rgħaja ta’ Betlehem, għall-Maġi li ġew mil-Lvant, għall-Għammiedi, għall-Appostli ta’ Ġesù, għal San Stiefnu, l-ewwel martri, li għajjat: “Qed nara s-smewwiet miftuħa!” (Att 7,56).  U dan huwa possibbli għal kull wieħed u waħda minna, jekk inħallu l-imħabba ta’ Alla taħkimna, din l-imħabba li tingħatalna għall-ewwel darba fil-magħmudija permezz tal-Ispirtu s-Santu.  Ejjew inħallu l-imħabba ta’ Alla taħkimna. Dan hu ż-żmien qawwi tal-ħniena! 

Meta Ġesù rċieva l-magħmudija tal-indiema minn Ġwanni l-Battista, billi juri s-solidarjetà mal-poplu niedem – Hu, li hu bla dnub, m’għandux bżonn ta’ konverżjoni –, Alla l-Missier semma’ leħnu mis-sena “Dan hu Ibni, il-maħbub: fih insib l-għaxqa tiegħi” (v 17).  Ġesù jirċievi l-approvazzjoni tal-Missier tas-sema, li bagħtu fid-dinja proprju biex jaċċetta li jaqsam magħna l-qagħda tagħna, il-faqar tagħna.  Li taqsam xi ħaġa ma’ xi ħadd hu l-veru mod kif turi kemm tħobbu.  U għalhekk lilna jagħmilna ulied, flimkien miegħu, ta’ Alla l-Missier.  Din hi l-wirja u l-għajn tal-imħabba vera.  Dan hu iż-żmien qawwi tal-ħniena.

Ma jidhrilkomx li fi żmienna hemm bżonn ta’ żjieda fl-imħabba fraterna u fil-qsim tal-ġid?  Ma jidhrilkomx li lkoll għandna bżonn żjieda fl-imħabba lejn il-proxxmu? Mhux dik il-karità li sseraħ il-kuxjenza billi tagħti xi ħaġa darba kultant b’mod li ma tagħtix każ, b’mod indifferenti, imma dik il-karità li permezz tagħha veru naqsmu dak li għandna, li tħoss it-tbatija u d-dwejjaq tal-aħwa.  X’togħma differenti tieħu l-ħajja meta nħallu l-imħabba ta’ Alla taħkimna.

B’dawn il-ħsibijiet f’qalbna ejjew inħarsu ‘l quddiem lejn din is-sena ġdida 2019 u nippruvaw nagħtu aħna lkoll xhieda tal-identita’ nisranija tagħna f’kull qasam tal-ħajja tagħna. Minn qalbi nawgura lilek li qed taqra u lil-familjari tiegħek paċi u ġid għas-sena ġdida.

About the author

Ikkummenta