X’hini l-Epifanija ?

Jekk nidħlu ftit f’dan il-qari tal-Epifanija, jirnexxielna żgur mhux forsi niskopru xi ħaġa għall-ħajjitna. Spiss issib min jgħidlek : « U kemm ser indumu nisimgħu u naqraw l-istess stejjer , qisna qed naraw dejjem l-istess film » ! Aħna nemmnu li l-Kelma t’Alla hi ħajja u qawwija. Il-Kelma t’Alla, kull darba li naqrawha jew nisimgħuha tiġi mħabbara, tgħidilna xi ħaġa ġdida, u xi ħaġa li ddawwal il-preżent tiegħna, dak li aħna qed ngħixu f’dan il-mument partikolari, illum, issa !

F’dan il-qari, l-element storiku jitħawwad ma’ dak teoloġiku u simboliku. L-evanġelista ma riedx jgħidilna biss x’ġara madwar elfejn sena ilu, imma min hu Ġesu’ – (ma nafx tafux li il-kelma « epifanija » tfisser wirja. fil-ġrajja tal-Maġi għandna wirja ta’ Ġesu). L-evanġelista jrid ukoll jurina x’mudelli għadna nsegwu u x’atteġġjamenti għandna nieħdu fil-konfront ta’ Ġesu’.

F’dan ir-rakkont insibu tlett tipi ta’ persunaġġi u tlett tipi ta’ atteġjamenti : Insibu lil Maġi, lil Erodi u lil Qassisin, kollha b’atteġġjament differenti. Ħa nibdew l-ewwel b’dawk li għandna nevitaw biex nispiċċaw b’dak illi għadna nsegwu.

Nibdew b’Erodi. Nafu x’tip ta’ bniedem kien dan Erodi. Biex ma jitlifx il-poter qered it-trabi kollha subien minn sentejn l’isfel. Il-Vanġelu jgħidilna li Erodi ħassu ttrattat mill-Maġi ta’ tifel… u kellhom raġun għax propju ta’ tifel ġab ruħu ! Erodi kien beżżiegħ, beżgħa li dan it-tfajjel ta’ Betlem ser jeħodlu postu. Qas biss kien kapaċi jikkalkula li sakemm dak it-tifel jikber, hu kellu jkun ilu taħt it-trab ! Infatti, miet ftit wara ! Malli jisma’ li twieled Sultan jitħawwad, ġabar il-Kittieba u l-Qassisin il-kbar u tkixxef mingħandhom x’kienet dil-biċċa xogħol ! Erodi jirrapreżenta lil min jitfixkel minħabba Ġesu’, min jaħseb li Ġesu’ jrid jeħodlu xi ħaġa. Iva Ġesu’ lil Erodi ried jeħodlu xi ħaġa : l-eġoiżmu tiegħu ! Erodi jasal iqarraq biex ma jitlifx. Erodi jasal joqtol biex ma jitlifx. Erodi huwa dak il-miskin li jaħseb li ser jieħu kollox miegħu, li l-poter, il-flus u il-fama huma għal dejjem ! Kemm rat nies bħalu l-istorja ! Kemm gwerer u nies maqtula, kemm nies bil-ġuħ, kemm nies imċaħħda mid-dinjita’ tagħhom ħabba xi ħadd bħal Erodi !

Imbgħad għadna it-tieni kategorija : Il-kittieba u l-qassisin il-kbar. Dawn kienu nies tassew intelliġenti. Huma kienu jafuha sewwa il-Bibbja, u lil Erodi weġbuħ tajjeb. Huma kienu jafu fejn kellu jitwieled il-Messija, esperti wkoll biex juru fejnu, biex jibgħatu lill-oħrajn ħa jiltaqaw miegħu, imma huma ma jmorrux. M’hemmx ħafna x’tispjega, la darba ma marrux ma kienux qed jistennewh jiġi, u la ma kienux qed jistennewħ sinjal li ma kienux iħossu il-bżonn li jiġi. Kienu qishom is-sinjali fit-toroq; juruk fejn trid tmur imma huma ma jiċċaqalqux pass ! X’riskju dan għalina li nieklu l-Kelma u żaqqna mal-artal! 

Anke bħal dawn insibu ħafna illum ; u fosthom jista’ jkun hemm jien u int. Nafu kif naslu għand Ġesu’, nafu t-triq imma ma niċċaqalqux. Jista’ jkun għax nibżgħu, jista’ jkun għax il-Vanġelu nħossuħ tqil wisq, jista’ jkun għax inħossuna tant tajbin li m’għadniex bżonn ta’ Messija. Jista’ jkun ukoll li nħossuna tant ħżiena li ma nażżardawx nersqu lejh. Nippreferu noqgħodu komdi kif aħna, bil-ftit, milli nagħtu dak il-ftit lil Alla, li tiegħu kapaċi jtina kollox.

Imbgħad għadna lil Maġi. Ovvjament illum dawn huma l-Imgħallmin tagħna. Dawn il-Maġi ma nsibuhomx jitkellmu, it-triq ma jafuhiex eżatt. Il-Maġi prattikament ma jgħidu xejn imma jgħallmuna ħafna b’dak li jagħmlu. Huma ma qagħdux jittrattjienu, telqu kollox, telqu u mxew f’post fejn ma kienux jafu, qalb nies li għalihom kienu barranin. Kieku qagħdu jikkalkulaw x’kien sejjer jiswiehom dak il-vjaġġ, kienu jibqgħu komdi f’posthom fl-Orjent, iħarsu lejk il-kwiekeb u jispjegaw l-istilel lil ħaddieħor u forsi joħorġu xi kalendarju astroloġiku, jew jaqraw l-oroskopu fuq ir-radio ! Min jaf !

Dawn huma dawk fostna li fil-ħajja kapaċi jiddeċiedu. Huma dawk li l-kalkolu ma jwaqqafhomx, li l-biżgħa ma tipparalizzohmx. Huma dawk li lesti jħallsu prezz imma jafu x’iġifieri tirriskja għal Ġesu’. Jafu x’iġifieri jkollok ix-xorti li tgħid jien iltqajt miegħu u mindu bdejt nagħti kas xi jgħid ħajti imbidlet. Iva imbidlet. Kont nemmen li mhux kapaċi naħfer, u ħfirt. Kont miġnun wara l-flus u l-wirt, qlajt l-inkwiet imma iltqajt ma’ Ġesu’ u ċedejt u erġajt għaqqadt familja. Kont bniedem li ħadd ma’ setgħa jkellimni, sibt lil Ġesu’ u inbdilt. Kont skjav ta’ elf ħaġa illum qed ninħeles.

Iva aħna ilkoll kapaċi nkunu bħal Maġi, kapaċi bħal Maġi wara li naraw u niltaqaw ma’ Ġesu’ immorru lura lejn artna minn triq oħra. Għand Erodi ma nergħux immorru u f’artna ngħidu lil kulħadd x’rajna, xi smajna u x’għamel Alla magħna.

Maggiori informazioni https://www.sejhafrangiskana.com/il-van%C4%A1elu-tal-%C4%A7add/l-epifanija-tal-mulej/

About the author

Ikkummenta