Qari I
Tfaħħarx bniedem qabel jitkellem.
Sir 27, 5-8
Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak
Meta jheżżu għarbiel jibqa’ fih l-iskart,
hekk ukoll min jgħarbel lilu nnifsu jagħraf ħżunitu.
Il-forn jgħaddi mill-prova xogħol il-fuħħari,
hekk ukoll bniedem tagħrfu minn kliemu.
Il-frott jikxef kemm bidwi jkun ħa ħsieb is-siġra,
hekk ukoll kelma tikxef ħsieb qalb il-bniedem.
Tfaħħarx bniedem qabel jitkellem,
għax hekk jiġu ppruvati n-nies.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 91 (92), 2-3.13-14.15-16
R/. (ara 2a): Tajjeb li nfaħħru l-Mulej
Tajjeb li nfaħħru l-Mulej,
li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,
Inxandru filgħodu t-tjieba tiegħek,
u billejl il-fedeltà tiegħek. R/.
Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar,
bħal ċedru tal-Libanu jikber.
Imħawlin f’dar il-Mulej,
iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta’ Alla tagħna. R/.
Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu,
kollhom ħajja u ħdura,
biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi,
u ebda qerq ma jinsab fih. R/.
Qari II
Tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu.
1 Kor 15, 54-58
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, meta dak li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, meta dak li jmut jilbes l-immortalità, imbagħad iseħħ dak li hemm miktub:
Inbelgħet il-mewt fir-rebħa.
Fejn hi, ja Mewt, ir-rebħa tiegħek?
Fejn hi, ja Mewt, in-niggieża tiegħek?
In-niggieża tal-mewt hi d-dnub, u l-qawwa tad-dnub hi l-Liġi.
Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu!
Għalhekk, ħuti għeżież, żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej. Kunu afu li l-ħidma tagħkom fil-Mulej mhijiex għalxejn.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Fil 2, 15d.16a
Hallelujah. R/. Hallelujah
Intom għandkom tiddu fid-dinja bħal kwiekeb,
u żżommu sħiħ il-kelma tal-ħajja.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.
Lq 6, 39-45
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli din il-parabbola: “Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu. Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Kif tista’ tgħidlu lil ħuk: “Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek”, meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int? Ja wiċċ b’ieħor! Neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk. Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq. Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu