Qari I
Stqarrija tal-fidi tal-poplu ta’ Alla.
Dewt 26, 4-10
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
Mosè kellem lill-poplu u qal: “Il-qassis imbagħad jilqa’ minn idejk il-qoffa, u jqegħedha quddiem l-artal tal-Mulej, Alla tiegħek. Inti mbagħad tgħid hekk quddiem il-Mulej, Alla tiegħek: “Missieri kien minn Aram, jiġġerra minn post għal ieħor; imbagħad niżel l-Eġittu u għammar hemm. Żgħir kien l-għadd ta’ niesu, iżda hemmhekk sar poplu kbir, qawwi u kotran. L-Eġizzjani ħaqruna, għakksuna, għabbewna b’xogħol iebes; imma aħna għajjatna lill-Mulej, Alla ta’ missirijietna, u l-Mulej sama’ l-għajta tagħna, ra t-tgħakkis u t-tbatija u d-dwejjaq tagħna, u ħariġna l-Mulej mill-Eġittu, b’id qawwija, bi driegħ merfugħ, b’biża’ kbir, b’sinjali u b’għeġubijiet, u daħħalna f’dan il-post, tana din l-art, art tnixxi ħalib u għasel. U issa, ara, jiena ġibt l-ewwel frott tal-art li tajtni int, Mulej”.
U int tqiegħdu quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, u tadura lill-Mulej, Alla tiegħek”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 90 (91), 1-2.10-11.12-13.14-15
R/. (ara 15): Kun miegħi, Mulej, fid-dwejjaq
Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli,
li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,
għid lill-Mulej: “Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int,
Alla tiegħi, jien fik nittama”. R/.
Ebda deni ma jiġrilek,
ebda ħsara ma tersaq lejn darek.
Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek,
u jħarsuk fi triqatek kollha. R/.
Fuq idejhom jerfgħuk,
li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.
Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi,
ferħ ta’ ljun u serp int tirfes. R/.
“La tħabbeb miegħi, jien neħilsu;
la għaraf ismi, jiena nħarsu.
Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu;
miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu,
neħilsu u nerfagħlu ġieħu”. R/.
Qari II
Stqarrija tal-fidi ta’ min jemmen fi Kristu.
Rum 10, 8-13
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, xi tgħid l-Iskrittura? “Il-kelma qiegħda ħdejk, f’fommok u qalbek”; jiġifieri, il-kelma tal-fidi li aħna nxandru. Għax jekk inti tistqarr b’fommok, “Ġesù hu l-Mulej!”, u temmen b’qalbek li Alla qajmu mill-imwiet, inti ssalva. Wieħed jemmen f’qalbu biex ikollu l-ġustizzja u jistqarr b’xufftejh biex ikollu s-salvazzjoni. L-Iskrittura tgħid: “Kull min jemmen fih ma jintilifx”. Ma hemmx għażla bejn Lhudi u Grieg; hu s-Sid ta’ kulħadd u għani ma’ dawk kollha li jsejħulu. Għax: “Kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Matt 4, 4b
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,
imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, mar fid-deżert fejn kien imġarrab mix-Xitan.
Lq 4, 1-13
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa’ lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert. Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ. U x-Xitan qallu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż”. Wieġbu Ġesù: “Hemm miktub: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix”.
Imbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f’daqqa. Qallu x-Xitan: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid. Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun”. Ġesù wieġbu u qallu: “Hemm miktub: “Lill-Mulej, Alla tiegħek, tadura, u lilu biss taqdi”.
Imbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. Għax hemm miktub: “Lill-anġli tiegħu jordnalhom biex jieħdu ħsiebek sewwa”, u li: “fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla”. Wieġeb Ġesù u qallu: “Jingħad: “Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek”.
Imbagħad ix-Xitan meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu