Nhar is-Sibt 27 t’April filgħodu jien flimkien ma’ sħabi Djakni Peter Ellul, Jean Gove’ u Matthew Pulis, se nkunu ordnati saċerdoti minn idejn Monsinjur Arċisqof fil-Kon Katidral ta’ San Gwann, il-Belt. Bħala preparazzjoni għal dan l-avveniment importanti xtaqt naqsam magħkom ftit ħsibijiet dwar x’inhi eżatt l-ordinazzjoni saċerdotali u kif jitqassam ir-rit tal-Ordinazzjoni.
Kull ordinazzjoni hija ta’ importanza kbira għall-Knisja. Is-sagrament tal-ordni sagri jissejjaħ hekk għaliex min jiġi ordnat, jidħol ġo dak li jissejjaħ ‘ordo’ (ordni jew struttura) fi ħdan il-knisja. Wieħed jibda jagħmel parti minn dan l-‘ordo’ permezz tar-rit tal-‘ordinatio’. Minn din il-kelma titwieled il-kelma ordinazzjoni.
Fl-ordinazzjoni jingħata don tal-Ispirtu s-Santu, li jagħti awtorita’ speċifika li tiġi minn Kristu permezz tal-Knisja, sabiex wieħed imexxi l-merħla bħal ragħaj. L-ordinazzjoni tissejjaħ ukoll konsagrazzjoni: fir-rit tal-ordinazzjoni, permezz tat-tqegħid tal-idejn u t-talba tal-ordinazzjoni, dak ordnat jiġi msejjaħ għal dan il-ministeru minn fost il-poplu u jigi mogħni b’din il-missjoni li tagħmlu differenti mill-bqija tal-lajċi.
Bil-magħmudija, kull Nisrani jirċievi il-vokazzjoni li jipparteċipa fil-missjoni ta’ Kristu. Permezz tal-ordinazzjoni saċerdotali, dak ordnat xorta jkun imsejjaħ li jkompli jwettaq din il-vokazzjoni li rċieva fil-magħmudija, pero’ issa jkun imsejjaħ jaqdi din il-vokazzjoni b’mod differenti. Il-qadi jkun għas-servizz ta’ dawk kollha mgħammdin, bl-iskop li l-imgħammdin ikomplu jiskopru l-id t’Alla fil-ħajja tagħhom. Huwa wkoll imsejjaħ ifittex in-naġgħa il-mitlufa: dawk bierda, imbiegħda mill-knisja jew li għadhom ma skoprewx lil Alla u l-imħabba tiegħu. Għalhekk nistgħu ngħidu li permezz ta’ dan is-sagrament Kristu jibqa’ jibni u jmexxi lill-bnedmin permezz ta’ dawk li jkunu irċevew din l-ordinazzjoni.
Il-qassis huwa simbolu ħaj tal-preżenza ta’ Kristu fost il-Knisja tiegħu. Huwa forsi għalhekk li nistennew ħafna mingħand il-qassis. Madanakollu, il-qassis jibqa’ bniedem bid-diffikultajiet u d-djufijiet tiegħu, iżda huwa propju għax huwa bniedem li jista’ jkun qassis li jħobb u jisma’ lil dawk ta’ madwaru. Huwa għalhekk ta’ importanza kbira t-talb għall-qdusija tas-saċerdoti, sabiex il-qassis dejjem ikun l-aħjar simbolu u preżenza possibli.
Waqt l-ordinazzjoni, wara l-Evanġelju, id-djakni jissejħu wieħed wieħed b’isimhom u l-parroċċa li jkunu ġejjin minnha, fejn jesprimu r-rieda tagħhom li jersqu għall-ordinazzjoni billi jtennu l-kliem: “Hawn jien”.
Wara l-omelija issir il-wegħda tad-djakni, li jwegħdu li:
- lesti li jaqdu l-uffiċċju tas-saċerdozju billi jirgħu il-merħla tal-Mulej flimkien mal-isqfijiet u taħt it-tmexxija tal-Ispirtu s-Santu;
- lesti li jxandru b’għaqal u fedelta’ l-Evanġelju u t-tifsir tal-fidi Kattolika;
- lesti li jaqdu b’fedelta ċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti, b’mod speċjali dawk tal-Ewkaristija u tar-Rikonċiljazjoni, sabiex jgħinu lill-poplu jitqaddes u jfaħħar lil Alla;
- lesti li jitolbu flimkien mal-isqof għall-poplu t’Alla;
- jagħmlu ħilithom sabiex jixbħu aktar dejjem lil Kristu sabiex jgħinu lil bnedmin jaslu lejn is-salvazzjoni.
Dawk li jkunu ser jiġu ordnati jinxteħtu minn tulhom fl-art u titkanta l-litanija tal-qaddisin, sabiex jinterċedu għal dawk li ser jiġu ordnati. Wara l-litanija jsir it-tqegħid tal-idejn mill-isqof. Il-qassisin presenti wkoll ippoġġu jdejhom fuq il-magħżulin. It-tqegħid tal-idejn mill-qassisin huwa wkoll simbolu ta’ din l-għaqda f’presbiterju wieħed, f’presbiterju magħmul minn diversi talenti, kapaċitajiet u doni li flimkien huma msejħa jaħdmu f’missjoni waħda.
Wara t-tqegħid tal-idejn, il-magħżulin imorru għarkopptejhom quddiem l-isqof u hawnhekk issir it-talba tal-ordinazzjoni. Issa li s-saċerdoti novelli ġew ordnati, jiġu mlibbsa l-istola tal-qassis u l-pjaneta. Wara li jitlibbsu bl-ilbies tal-qassis, Mons. Arċisqof jidlek fuq ġewwa tal-pali tal-idejn tal-qassisin il-ġodda u jitressqu l-offerti tal-ħobż u l-inbid. L-isqof jistieden lis-saċerdot il-ġdid sabiex ifassal ħajtu fuq dak li ser ikollu f’idejh filwaqt li jagħtih l-offerti li jkunu ġew preżentati. Wara dan l-isqof u wħud minn dawk preżenti jagħtu l-paċi lis-saċerdoti l-ġodda b’sinjal ta’ merħba fil-presbiterju.
Minn qalbi fil-waqt li nħeġġiġkom titolbu għalina li se nkunu ordnati saċerdoti, nieħu gost nara ħafna minnkom dakinhar tal-Ordinazzjoni.
Stedina
Stedina għall-Ordinazzjoni Saċerdotali ta’ Fr Aayrton-Ray Muscat u sħabu Djakni fil-Kon Katidral ta’ San Gwann, il-Belt Valletta nhar is-Sibt 27 t’April 2019 fid-9.00am. Min jixtieq jattendi u għandu bżonn trasport, importanti li javżana sal-Ħamis 25 t’April. Dakinhar ma jkunx hawn Quddiesa tad-9.00am fil-Parroċċa.
|