Qari I
Aħna se nduru fuq il-pagani.
Atti 13, 14. 43-52
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, Pawlu u Barnaba minn Perge baqgħu sejrin sa ma waslu f’Antjokja ta’ Pisidja. F’jum is-Sibt daħlu fis-sinagoga u qagħdu bilqiegħda. U meta xterdet il-ġemgħa tas-sinagoga, ħafna, kemm mil-Lhud u kemm mill-prosèliti twajba, marru ma’ Pawlu u ma’ Barnaba, u dawn ħeġġewhom biex jibqgħu fil-grazzja ta’ Alla.
Is-Sibt ta’ wara, tista’ tgħid il-belt kollha nġabret biex tisma’ l-kelma tal-Mulej. Il-Lhud, meta raw il-folol, imtlew bl-għira u bdew imieru lil Pawlu u jidgħulu. Imma Pawlu u Barnaba bil-kuraġġ kollu qalu: “Hekk kien meħtieġ, li l-kelma ta’ Alla titħabbar lilkom l-ewwel. Billi intom qegħdin twarrbuha, u jidhrilkom li ma tistħoqqilkomx il-ħajja ta’ dejjem, aħna se nduru fuq il-pagani. Għax hekk ordnalna l-Mulej: “Jien għamiltek dawl tal-ġnus, biex twassal is-salvazzjoni sa truf l-art”.
Il-pagani, meta semgħu dan, bdew jifirħu u jigglorifikaw il-kelma tal-Mulej, u dawk kollha li kienu magħżula għall-ħajja ta’ dejjem emmnu. Hekk il-kelma tal-Mulej baqgħet tixtered mal-art kollha. Imma l-Lhud xewxu n-nisa twajba u magħrufa u wkoll il-kbarat tal-belt, u qajmu persekuzzjoni kontra Pawlu u Barnaba u keċċewhom ’il barra minn arthom. Huma farfru għal fuqhom it-trab minn ma’ riġlejhom u marru Ikonju. Iżda d-dixxipli mtlew bil-ferħ u bl-Ispirtu s-Santu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 99 (100), 2.3.5
R/. (3c): Aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu
jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
aqdu bil-ferħ lill-Mulej,
idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. R/.
Kunu afu li Jaħweh hu Alla:
hu ħalaqna, u aħna tiegħu,
aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu. R/.
Għax twajjeb il-Mulej,
għal dejjem it-tjieba tiegħu;
minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu. R/.
Qari II
Il-Ħaruf ikun ir-ragħaj tagħhom; u hu jwassalhom ħdejn ilmijiet tal-għejun tal-ħajja.
Apok 7, 9.14b-17
Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu
Jiena, Ġwanni, ħarist, u ara, kien hemm kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod, u bil-friegħi tal-palm f’idejhom.
U wieħed mix-Xjuħ qalli: “Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf. Għalhekk jinsabu quddiem it-tron ta’ Alla, lejl u nhar jaqduh fit-tempju tiegħu; u dak li qiegħed fuq it-tron jeħodhom jgħammru taħt il-kenn tiegħu. Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma taħkimhomx, u anqas ebda għomma, ladarba l-Ħaruf, li hemm f’nofs it-tron, ikun ir-ragħaj tagħhom; u hu jwassalhom ħdejn ilmijiet tal-għejun tal-ħajja. U Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 10, 14
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej;
jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi,
u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Lin-nagħaġ tiegħi nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem.
Ġw 10, 27-30
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd. Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier. Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu