Qari I
Ta’ dan kollu hawn xhieda aħna u l-Ispirtu s-Santu.
Atti 5, 27b-32.40b-41
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, il-qaddejja ressqu lill-appostli quddiem is-Sinedriju. U l-qassis il-kbir qalilhom: “Aħna għednielkom fuq li għednielkom biex ma tgħallmux fuq dan l-isem. U araw, issa mlejtu ’l Ġerusalemm bit-tagħlim tagħkom, u tridu titfgħu fuqna l-ħtija ta’ demm dan il-bniedem!”.
Iżda Pietru, flimkien mal-appostli, wieġeb u qal: “Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-bnedmin. Alla ta’ missirijietna qajjem lil Ġesù li intom qtiltuh billi dendiltuh ma’ għuda. Alla għollieh bil-leminija tiegħu u għamlu kap u salvatur, biex jagħti lil Iżrael l-indiema u l-maħfra tad-dnubiet. U ta’ dan kollu hawn xhieda aħna flimkien mal-Ispirtu s-Santu li Alla ta lil dawk li jobduh”.
Lill-appostli wara li tawhom is-swat, ordnawlhom li ma jitkellmux fuq l-isem ta’ Ġesù; imbagħad telquhom. Iżda huma ħarġu minn quddiem is-Sinedriju ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 29 (30), 2 u 4. 5 u 6. 11 u 12a u13b
R/. (2a): Ngħollik, Mulej, għax erfajtni
jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Ngħollik, Mulej, għax erfajtni,
u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.
Mulej, tellajtli mill-mewt ‘il ruħi,
ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra. R/.
Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu,
faħħru l-isem imqaddes tiegħu.
Għax ftit iddum is-saħna tiegħu,
iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.
Filgħaxija jidħol il-biki,
filgħodu jidwi l-għajjat ta’ ferħ. R/.
Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija;
kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi!
Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi.
Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal dejjem! R/.
Qari II
Jistħoqqlu l-Ħaruf il-maqtul li jirċievi l-qawwa u l-għana.
Apok 5, 11-14
Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu
Jiena, Ġwanni, ħarist, u minn madwar it-tron u l-Ħlejjaq Ħajjin u x-Xjuħ smajt il-leħen ta’ ħafna anġli, li l-għadd tagħhom kien għaxriet ta’ eluf, u eluf ta’ eluf, jgħidu b’leħen qawwi:
“Jistħoqqlu l-Ħaruf li kien maqtul
li jirċievi l-qawwa u l-għana
u l-għerf u s-saħħa
u l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir”.
U fis-sema, fuq l-art, taħt l-art, u fil-baħar u l-ħlejjaq kollha li fihom,
smajthom jgħidu: “Lil dak li qiegħed fuq it-tron u lill-Ħaruf,
jingħata t-tifħir u l-ġieħ u l-glorja u l-ħakma,
għal dejjem ta’ dejjem”.
L-erba’ Ħlejjaq Ħajjin bdew iwieġbu:
“Ammen!” filwaqt li x-Xjuħ inxteħtu jagħtu qima.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah
Kristu qam mill-imwiet, hu li ħalaq id-dinja,
u fil-ħniena tiegħu salva lill-bnedmin kollha.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ġesù qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut.
Ġw 21, 1-19
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija. Dehrilhom hekk: Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien. Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad”. Qalulu: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll”. Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn.
Filgħodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux jafu li kien Ġesù. Ġesù qalilhom: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?”. “Le”, weġbuh. Qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu”. Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqs kemm qabdu ħut! Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!” Għalhekk Xmun Pietru, kif sama’ li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq, għax kien għoddu għeri, u ntafa’ l-baħar. Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq mill-art, imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut.
Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż. Qalilhom Ġesù: “Newlu ’l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu”. Xmun Pietru tala’ fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx. Qalilhom Ġesù: “Ejjew, kulu”. Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih: “Int min int?”, għax kienu jafu li kien il-Mulej. Ġesù resaq, qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut. Din kienet ġa t-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.
Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?” Wieġbu: “Iva, Mulej, int taf li nħobbok”. Qallu: “Irgħa l-ħrief tiegħi”. Staqsieh għat-tieni darba: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?”. Wieġbu: “Iva, Mulej, int taf li nħobbok”. Qallu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi”. Għat-tielet darba staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?” Pietru ħass għafsa ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba: “Tħobbni?”, u qallu: “Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok”. Qallu Ġesù: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi. Tassew tassew ngħidlek, meta kont żagħżugħ, kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid!”. Dan qalu biex ifisser b’liema mewta kien sejjer jagħti glorja lil Alla. Imbagħad Ġesù ssokta jgħidlu: “Ejja warajja”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Jew il-forma l-qasira
Evanġelju
Ġesù qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut.
Ġw 21, 1-14