Il-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù – Solennità

Qari I

Ħareġ bil-ħobż u l-inbid.

Ġen 14, 18-20

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien, Melkisedek, sultan ta’ Salem, li kien qassis ta’ El-għeljon, Alla l-għoli, ħareġ bil-ħobż u l-inbid. U bierek lil Abram u qallu:

“Imbierek Abram minn Alla l-għoli,

li għamel is-sema u l-art.

U mbierek Alla l-għoli

li reħa f’idejk l-għedewwa tiegħek”.

U Abram tah l-għexur minn kollox.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 109 (110), 1.2.3.4

R/. (4bc): Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi:

“Oqgħod fuq leminti,

sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek

mirfes taħt riġlejk”. R/.

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek

jibgħat il-Mulej minn Sijon:

aħkem f’nofs l-għedewwa tiegħek! R/.

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek

fuq l-għoljiet imqaddsa,

sa minn qabel is-sebħ

bħan-nida jien nissiltek. R/.

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih:

“Inti qassis għal dejjem

bħal Melkisedek!” R/.

 

Qari II

Kull meta tieklu u tixorbu, ixxandru l-mewt tal-Mulej.

1 Kor 11, 23-26

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.

Hekk ukoll għamel bil-kalċi wara li kiel u qal: “Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu, b’tifkira tiegħi”.

Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Sekwenza

Is-sekwenza tista’ ma tingħadx. Tista’ wkoll tingħad fil-forma l-qasira li tibda: Dan ħobż l-anġli, magħmul ikel.

Faħħar, Sijon, lill-Feddej,

ir-ragħaj tiegħek u l-mexxej,

bl-innijiet u bl-għana.

Ibqa’ faħħru daqs kemm tista’,

għax Hu ’l fuq minn kull tifħir,

qatt ma tfaħħru kemm jistħoqqlu.

Għat-tifħir ħaġa tal-għaġeb,

il-ħobż ħaj li jagħti l-ħajja,

hawn quddiemna f’dan il-jum.

Dak il-ħobż li fuq il-mejda,

lill-appostli fl-ikla mqaddsa,

kien ingħata biex jikluh.

Ikun sħiħ it-tifħir tiegħek,

b’qalb ferrieħa, b’leħen għoli,

ikun jixraq ferħ ir-ruħ.

Għax dal-jum ta’ festa kbira,

ta’ dik l-ikla hu t-tifkira,

meta saret l-ewwel darba.

F’dina l-ikla s-Sultan tagħna,

l-Għid il-ġdid tal-liġi l-ġdida,

temm għal kollox l-Għid qadim.

Il-qadim twarrab mill-ġdid,

dak li hu ġie flok ix-xbieha,

id-dawl biegħed dlam il-lejl.

Dak li twettaq fl-aħħar ċena,

Kristu ried jibqa’ jiġġedded,

biex ikun tifkira tiegħu.

Imgħallmin b’tagħlim imqaddes,

nibdlu l-ħobż u l-inbid tagħna

b’sagrifiċċju għas-saħħa tagħna.

Twemmin ġdid lilna l-insara,

li dal-ħobż jinbidel f’Ġisem,

u l-inbid jinbidel f’Demm.

Dak li ma tarax jew tifhem,

it-twemmin isaħħu u jwettqu,

fuq kull ordni tan-natura.

Taħt xbihat fejn aħna nilmħu

mhux il-ħajja, imma sinjali,

jinħbew ħwejjeġ hekk għeżież.

Ikel Ġismu, xorb hu Demmu;

iżda Kristu sħiħ hemm moħbi

taħt kull waħda mix-xbihat.

Sħiħ jittiekel Kristu kollu,

bla jitkisser, bla jitfarrak,

bla jinqasam minn min jieħdu.

Jieklu elf u jiekol wieħed,

kemm ħa dan, hekk jieħdu huma,

bla jintemm meta jittiekel.

Jieklu t-tajba, jieklu l-ħżiena;

imma ’l dawk iġib il-ħajja,

lil dawn jixħet fit-telfien.

Mewt għall-ħżiena, ħajja għat-tajba

ara kif jinbidel fihom,

għalkemm jieħdu l-istess ikel.

Meta l-Ostja tkun maqsuma,

la tibżax, imm’inti ftakar,

taħt ix-xbieha ta’ kull farka

hemm jinsab daqs fl-Ostja sħiħa.

Ebda ksur ma jsir fi Kristu;

biss ix-xbieha tkun miksura:

u b’dal-ksur xejn ma jitnaqqas

f’Dak li hu taħt din ix-xbieha.

* * *

Dan ħobż l-anġli, magħmul ikel

għall-bnedmin fit-triq tal-ħajja,

ikel bnin għall-ulied kollha,

li m’għandux fix-xejn jintrema.

Bi xbihat kien ilu mħabbar,

f’dik l-offerta ta’ Iżakk,

fil-ħaruf li nqatel fl-Għid,

u fil-manna tad-deżert.

Int ragħaj tajjeb, ħobż tassew,

Ġesù tagħna, ħenn għalina;

Int itmagħna u ħarisna:

Inti lilna l-ġid urina

fl-art imbierka tal-ħajjin.

Int li taf u tista’ kollox,

li titmagħna hawn f’dil-ħajja,

hemm agħmilna lkoll imsieħba,

f’għaqda waħda lkoll werrieta

mal-qtajjiet tal-qaddisin.

Ammen. Hallelujah.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 6, 51

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema, jgħid il-Mulej;

jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kulħadd kiel u xaba’.

Lq 9, 11b-17

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qagħad ikellem il-folol fuq is-Saltna ta’ Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan. Il-jum kien wasal biex jintemm. Resqu lejh it-Tnax u qalulu: “Ibgħathom in-nies ħa jmorru fl-irħula u r-rziezet tal-qrib biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax hawnhekk qegħdin f’post imwarrab”.

Iżda hu qalilhom: “Agħtuhom intom x’jieklu”. Qalulu: “Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għallinqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha!”.

Għax kien hemm madwar il-ħamest elef raġel. U qal lid-dixxipli tiegħu: “Qegħduhom bilqiegħda ħamsin ħamsin”. Hekk għamlu, u qiegħdu lil kulħadd bilqiegħda.

Imbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewluhom lin-nies. U kulħadd kiel u xaba’ u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

About the author

Ikkummenta