Grazzi Mulej ta’ dawn l-Għaxar Snin

Messaġġ mill-Kappillan 

Fil-21 ta’ Lulju bl-għajnuna t’Alla se ngħalaq għaxar snin bħala ragħaj spiritwali tagħkom. Hekk kif inħares lura lejn dawn is-snin inħoss li għaddew bħal ħolma, kienu snin ta’ ħidma bla waqfien f’diversi oqsma tal-ħajja tal-komunita’ tagħna u li flimkien komplejna nibnu fuq it-tajjeb li ħallewlna ta qabilna.

Dawn l-aħħar erba snin kienu karateriżżati mix-xogħol tal-proġett tal-bini taċ-Ċentru Parrokkjali li kien jinkorpora fih l-estenzjoni taz-zuntier tal-knisja parrokkjali, it-tisbiħ tal-faċċata tal-knisja kif ukoll ġewwa li kien proġett ambizzjuz imam li għax ħdimna flimkien stajna nlestuh. Ma nistax ma nsemmix il-proġett tar-restawr tal-vara titular ta’ San Ġiljan li saret is-sena l-oħra fl-okkażjoni tal-125 sena minn mindu inġiebet għall-ewwel darba f’San Ġiljan. Dan il-proġett tar-restawr seta jseħħ biss minħabba l-għajnuna u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji li diversi minnkom tajtu matul is-sena. Dawn huma ftit mill-ħafna proġetti li ħdimna u qed inkomplu naħdmu fuqhom.

Pero’ il-parroċċa tgħati wkoll diversi opportunijiet sbieħ biex bħala kappillan niltaqa’ ma nies ġodda, nidħol fil-ħajja ta’ diversi familji u nakkumpnajhom fid-diversi esperjenzi li jgħaddu minnhom kemm dawk sbieħ kif ukoll dawk ta’ dieqa. Il-mixja flimkien fl-esperjenza tal-ħajja nisranija tkompli tibni l-komunita’ nisranija fil-milja kollha tagħha. Dawn l-esperjenzi tal-ħajja filwaqt li joffru sfida lil bniedem, joffru wkoll opportunita’ biex il-bniedem jifhem iżjed l-identita’ tiegħu bħala nisrani u jgħinuh jikber ukoll fl-għarfien tal-umanita’ tiegħu, li għalkemm hi dgħajfa hija mifdija mid-demm ta’ Kristu.

L-esperjenza ta’ dawn l-għaxar snin fostkom bħala kappillan, biex ma nsemmix is-sitt snin ta’ qabel bħala viċi wkoll, u allura dawn is-sittax-il sena kienu esperjenza li diffiċli li tiġi deskritta fi ftit kliem. Pero’ permezz ta’ dan l-artiklu nixtieq inrodd ħajr lil Alla għal dak kollu li għamel miegħi u permezz tiegħi matul dawn is-sittax –il sena li ili magħkom il-Ġiljanizi, għaxra minnhom bħala Kappillan. Inrodd ħajr lil Alla tas-saċerdoti li ħdimt magħhom u li m’ghadhomx magħna kif ukol dawk li qed naħdem magħhom illum il-ġurnata. Nizzikħajr lil Mulej ukoll għal bosta lajċi li ħdimt magħhom matul dawn is-snin li minnhom tgħallimt ħafna u li kienu eżempju mill-isbaħ ta’ qdusija u imħabba vera. Nizzikħajr lil Mulej ukoll tal-esperjenzi kollha li għext fejn tgħallimt mid-diversi żbalji tiegħi u fl-istess waqt skoprejt ukoll f’diversi ċirkustanzi talenti moħbija li ma kontx ntbaħt li kelli.

Żgur li dawn l-esperjenzi se jkomplu jgħinuni biex bl-għajnuna t’Alla nkompli immexxi din il-komunita’ afdata f’idejja mingħajr ma jistħoqqli, li nispera nkun nista’ nkompli nservi bl-enerġija kollha li jislifni l-Mulej fi snin li ġejjien. Nisperaw li jkollna l-opportunita li flimkien inkomplu naħdmu għall-bini tal-komunita’ parrokkjali li kulma jgħaddi ż-żmien dejjem qed tinbidel u tevolvi. Huwa fatt li San Ġiljan inbidel ħafna matul dawn is-snin, jien rajtu li nbidel ferm minn meta ġejt għall-ewwel darba, għaldaqstant issa rridu naraw kif fiċ-ċirkustanzi preżenti nkunu nistgħu ngħamlu dak kollu li hu possibli biex inwasslu aħna wkoll il-ferħ tal-Evanġelju lil tant qlub li huma għatxana biex jgħamlu huma wkoll din l-esperjenza ta’ fidi.

About the author

Ikkummenta