Qari I
Il-Kelma hi qribek sewwa biex tagħmilha.
Dewt 30, 10-14
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
Mosè kellem lill-poplu u qal: “Il-Mulej jifraħ bik u jagħmel il-ġid miegħek, jekk int tisma’ l-kelma tal-Mulej, Alla tiegħek, u tħares l-ordnijiet tiegħu u l-liġijiet miktuba fil-ktieb ta’ din il-liġi; jekk terġa’ lejn il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha u b’ruħek kollha. Din il-liġi li qiegħed nagħtik illum, mhijiex tqila għalik u anqas ’il bogħod minnek. Mhijiex fis-sema biex int tgħid: “Min se jitlgħalna s-sema jġibhielna u jsemmagħhielna u nagħmluha?”. U anqas ma hi ’l hemm mill-baħar biex int tgħid: “Min se jmur ’l hemm mill-ibħra u jġibhielna, u jsemmagħhielna, u nagħmluha?”. Imma din il-ħaġa hi qribek sewwa f’fommok u f’moħħok, biex tagħmilha”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 68 (69), 14 u 17. 30-31. 33-34. 36ab u 37
R/. (33): Tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.
Jien lilek nitlob, Mulej;
meta jogħġbok, o Alla, weġibni,
fil-kobor ta’ tjubitek
u skont il-wegħda tas-salvazzjoni tiegħek.
Weġibni, Mulej, għax mill-aħjar tjubitek;
dur lejja fil-kobor tal-ħniena tiegħek. R/.
Imma jiena msejken u batut;
terfagħni, o Alla, is-salvazzjoni tiegħek!
Infaħħar l-isem ta’ Alla bl-għana,
inkabbru b’għana ta’ radd il-ħajr. R/.
Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu;
u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.
Għax jisma’ l-fqajrin il-Mulej,
ma jistmellx l-imjassrin tiegħu. R/.
Għax Alla jsalva ’l Sijon,
u jibni l-bliet ta’ Ġuda;
u huma jerġgħu lura u jgħammru fiha.
Jirtuha wlied il-qaddejja tiegħu;
dawk li jħobbu lil ismu joqogħdu fiha. R/.
jew
Salm Responsorjali
Salm 18, 8.9. 10.11
R/. (9a): Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb
Il-liġi tal-Mulej perfetta,
u tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem lil min ma jafx. R/.
Il-preċetti tal-Mulej dritti,
u jferrħu l-qalb;
il-kmandament tal-Mulej safi,
u jdawwal l-għajnejn. R/.
Il-biża’ tal-Mulej sinċier,
u jibqa’ għal dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,
u mseddqa għalkollox. R/.
Egħżeż mid-deheb,
mid-deheb l-aktar fin,
oħla mill-għasel
u mill-qtar tax-xehda. R/.
Qari II
Kollox bih u għalih kien maħluq.
Kol 1, 15-20
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin
Ħuti, Kristu hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx,
il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;
għax fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art,
dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx,
Troni u Ħakmiet, Prinċipati u Setgħat.
Kollox bih u għalih kien maħluq,
hu li hu qabel kollox,
u kollox fih qiegħed iżomm.
Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja.
Hu li hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet,
sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.
Hekk Alla għoġbu li tgħammar fih il-milja kollha;
bih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu;
bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib,
ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 6, 63ċ. 68ċ
Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-kliem tiegħek Mulej, huwa spirtu u ħajja:
Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Il-proxxmu tiegħi min hu?
Lq 10, 25-37
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, iqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrab lil Ġesù, staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”.Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?”. U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”.
Qallu Ġesù: “Sewwa weġibt; agħmel hekk u tgħix”. Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”. U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Inzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu: “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi”. Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”. “Min ħenn għalih”, wieġbu dak. Qallu Ġesù: “Mur, u agħmel hekk int ukoll”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu