Qari I
Se nifrex fuqha s-sliem bħal xmara.
Is 66, 10-14ċ
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Ifirħu lil Ġerusalemm, thennew biha,
intom ilkoll ħbieb tagħha!
Aqbżu bil-ferħ,
intom ilkoll li qsamtu swied il-qalb magħha!
Hekk intom terdgħu u tixbgħu
minn sider il-faraġ tagħha;
terdgħu u titgħaxxqu mis-sider mimli tagħha.
Għaliex dan jgħid il-Mulej:
“Arani! Se nifrex fuqha s-sliem bħal xmara,
u bħal xmara tfur il-ġid tal-ġnus.
U intom terdgħu u fuq id-dirgħajn tintrefgħu,
u jżiegħlu bikom fuq l-irkupptejn.
Bħalma omm tfarraġ lil binha,
hekk jiena nfarraġ lilkom
u f’Ġerusalemm titfarrġu.
Taraw u tifraħ qalbkom,
u għadamkom bħal ħaxix iħaddar;
u jagħrfu fil-qaddejja tiegħu id il-Mulej”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 65 (66), 1-3a.4-5.6-7a.16 u 20
R/. (1): Għajtu bil-ferħ lil Alla
Għajtu bil-ferħ lil Alla,
bnedmin tad-dinja kollha;
għannu s-sebħ ta’ ismu,
xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.
Għidu lil Alla: “Kemm int tal-biża’ f’għemilek!” R/.
“L-art kollha tagħtik qima,
tgħannilek u tgħanni lil ismek”.
Ejjew, araw l-għemejjel ta’ Alla;
tal-biża’ f’għemilu fost il-bnedmin. R/.
Biddel il-baħar f’art niexfa,
għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara.
Għalhekk, nifirħu bih!
Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem! R/.
Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom,
intom ilkoll li tibżgħu minn Alla,
ngħidilkom x’għamel miegħi.
Imbierek Alla, li ma warrabx it-talba tiegħi;
ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu! R/.
Qari II
Jien inġib f’ġismi l-marki ta’ Kristu.
Gal 6, 14-18
Għeluq tal-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin
Ħuti, ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja. Għaliex, biċ-ċirkonċiżjoni jew mingħajrha, xejn ma hemm ta’ siwi, ħlief il-ħolqien ġdid. U dawk kollha li jimxu fuq din ir-regola, is-sliem u l-ħniena fuqhom, u wkoll fuq Iżrael ta’ Alla. Mil-lum ’il quddiem ħadd ma għandu jħabbatni iżjed; jien inġib f’ġismi l-marki ta’ Kristu. Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu tkun magħkom, ħuti. Ammen.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Kol 3, 15a.16a
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom;
Ħalli l-kelma ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu.
Lq 10, 1-12.17-20
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu! Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd.
Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: “Is-sliem lil din id-dar”. U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom: “Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom”. Imma l-belt li fiha tidħlu u ma jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha u għidu: “Sat-trab ta’ beltkom infarfru minn ma’ riġlejna, u nħalluh għalikom. Imma kunu afu dan: is-Saltna ta’ Alla waslet”. Ngħidilkom li dak il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli għal dik il-belt”.
It-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: “Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f’ismek”. U hu qalilhom: “Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema. Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa tal-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom. Madankollu mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Jew il-forma l-qasira
Evanġelju
Jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu.
Lq 10, 1-9
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, 1il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu! Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd. Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: “Is-sliem lil din id-dar”. U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom: “Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu