Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema

Quddiesa tal-Vġili

Qari I                                                                 1 Kron 15, 3-4.15-16; 16,1-2

Qiegħdu l-arka ta’ Alla f’nofs it-tinda.

F’dak iż-żmien: David laqqa’ lill-poplu ta’ Iżrael kollu f’Ġerusalemm biex italla’ l-arka tal-Mulej f’postha li kien ħejja għaliha. U laqqa’ lil ulied Aron u lill-Leviti. U l-Leviti kienu l-ewwel li ġarrew l-arka ta’ Alla bil-lasti fuq spallejhom, kif kien ordna Mosè skond il-kelma tal-Mulej. U David ordna lill-kapijiet tal-Leviti li jqassmu lil ħuthom, il-mużiċisti bl-istrumenti tad-daqq – arpi, ċetri, ċnieċel – u jgħollu u jsemmgħu leħinhom għoli b’sinjal ta’ ferħ. U hekk ġiebu l-arka ta’ Alla u qegħduha f’nofs it-tinda li kien waqqaf għaliha David, u offrew sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tas-sliem quddiem Alla. Meta kien offra s-sagrifiċċji tal-ħruq u s-sagrifiċċji tas-sliem, David bierek il-poplu b’isem il-Mulej,

Il-Kelma tal-Mulej.

℟.  Irroddu ħajr lil Alla.

  

Salm Responsorjali                                                    S 131, 6-7.9-10.13-14

 

℟.  Qum, Mulej,int u l-Arka tal-qawwa tiegħek.

 

Araw, smajna bl-arka f’Efrata,

sibnieha fir-raba’ ta’ Ġagħar.

Ħa nidħlu fl-għamara tiegħu,

ninxteħtu quddiem il-mirfes ta’ riġlejh! ℟.

 

Jilbsu l-ġustizzja l-qassisin tiegħek,

jgħajjtu bil-ferħ il-ħbieb tiegħek.

Minħabba f’David, il-qaddej tiegħek,

twarrabx wiċċ is-sultan, il-midluk tiegħek. ℟.

 

Għax il-Mulej għażel ‘il Sijon,

u xtaqha tkun id-dar tiegħu:

“Hawn insib il-mistrieħ tiegħi għal dejjem!

Fiha rrid noqgħod, għax ħabbejtha! ℟.

 

 

Qari II                                                                                   1 Kor 15, 54-57

Alla tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu.

 

Ħuti: Meta dak li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, meta dak li jmut jilbes l-immortalità, mbagħad iseħħ dak li hemm miktub, “Inbelgħet il-mewt fir-rebħa. Fejn hi, ja Mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja Mewt, in-niggieża tiegħek?” In-niggieża tal-mewt hi d-dnub, u l-qawwa tad-dnub hi l-Liġi. Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu. Għalhekk, ħuti għeżież, żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej. Kunu afu li l-ħidma tagħkom fil-Mulej m’hijiex għalxejn.

Il-Kelma tal-Mulej.

℟.  Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni għall-Evanġelju                                         ara Lq 11:28

 

℟.  Hallelujah

Hienja dawk

li jisimgħu l-kelma ta’ Alla

u jħarsuha!

℟.  Hallelujah

Evanġelju                                                                                  Lq 11, 27-28

Hieni l-ġuf li ġiebek.

F’dak iż-żmien waqt li kien qed ikellem lin-nies, kien hemm waħda mara li għolliet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!” Iżda hu qalilha: “Imma tassew ngħidlek, aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!”

Il-Kelma tal-Mulej.

℟.  Tifħir lilek, Kristu.

Talbiet ta’ Interċessjoni

Mulej Alla tagħna, inti għażiltna u ppredestinajtna sabiex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemek fl-Imħabba. Inti ġġustifikajtna fi Kristu Ibnek il-Waħdieni sabiex inkunu nistgħu nieħdu sehem fil-ħajja tiegħek ta’ Alla. Ilqa’ talbna f’dan l-Għid ta’ Santa Marija aħna u naraw fiha bħal f’mera dak li nixtiequ u nittamaw li nkunu fil-Knisja u fid-dinja.

 

Għall-Knisja kollha sabiex bħal Marija tkun l-Għarusa ta’ Kristu li tagħżel għaliha l-istess xorti tiegħu u waqt li timxi fuq il-passi tiegħu fid-dinja tasal fis-Saltna tas-Sema fil-ħajja ta’ dejjem ma’ Kristu Rebbieħ.

Nitolbu …

 

Għall-bnedmin kollha sabiex iħarsu lejn il-ħajja ta’ dejjem bħala l-milja tal-ħajja li għaliha aħna msejħin fi Kristu u li llum narawha tiddi f’Marija li ssieħbet ma’ Ġesù bħala dixxiplu tiegħu f’din il-ħajja u r-rebbieħa miegħu fil-ħajja ta’ dejjem.  Nitolbu…

 

Għalina sabiex aħna u nikkontemplaw lil Marija li tieħu sehem fil-milja tal-ħajja ta’ dejjem bil-Qawmien mill-Imwiet fi Kristu, ngħixu ħajja qaddisa fuq l–art sa ma naslu li ngawdu l-Qawmien mill-Imwiet fi Kristu.  Nitolbu…

 

Għal pajjiżna li llum jiċċelebra lil Santa Marija bħala l-Patruna ewlenija tal-gżejjer Maltin, sabiex bħalha nkunu mera ta’ ħajja qaddisa u fostna jsaltnu l-ġustiżżja, s-sliem u r-rispett lejn il-ħajja tal-bniedem.  Nitolbu…

 

Għal ħutna l-mejtin li kellhom imħabba speċjali lejn Santa Marija, Omm Ġesù u Ommna wkoll, sabiex igawdu flimkien magħha l-wiċċ ta’ Alla.

Nitolbu…

 

Mulej Alla nitolbuk tagħtina l-grazzja li kif aħna nagħrfuk inħobbuk, u nadurawk f’din il-ħajja naslu li narawk wiċċ imb wiċċ fil-ħajja ta’ dejjem flimkien ma’ Marija. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 

15 ta’ Awwissu

L-Imqaddsa Marija Mtellgħa s-Sema

Solennita’

Qari I

Apok 11: 19a, 12: 1-6a. 10ab

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi

Infetaħ it-Tempju ta’ Alla, li hemm fis-sema, u dehret l-arka tal-patt tiegħu fit-Tempju tiegħu. U deher sinjal kbir fis-sema: mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha. Hija kienet fit-tqala, u bdiet tgħajjat bl-uġigħ tal-ħlas u tbati biex teħles.

Imbagħad fis-sema deher sinjal ieħor: ara, Dragun kbir minn lewn in-nar, b’sebat irjus u għaxart iqrun, u b’seba’ djademi fuq irjusu. U b’denbu kines waħda mit-tlieta tal-kwiekeb tas-sema u waddabhom lejn l-art. U d-Dragun mar qagħad quddiem il-mara li kienet sa tiled, biex kif tiled lil binha jibilgħu. U hi wildet iben, tifel, li kien għad irid jirgħa l-ġnus b’xettru tal-ħadid. U binha ġie maħtuf għal quddiem Alla u quddiem it-tron tiegħu. U l-Mara ħarbet fid-deżert. U smajt leħen qawwi fis-sema jgħid: “Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa u s-saltna ta’ Alla tagħna u s-setgħa tal-Messija tiegħu.”

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

44

 

R/.  F’lemintek is-Sultan, fid-dawl tal-glorja!

 

Ulied is-sultan jiġu jilqgħuk,

f’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir.

Isma’, binti, ħares u agħti widen,

insa ’l niesek u ’l dar missierek. R/.

 

Jixxennaq is-sultan għal ġmielek;

u għax hu sidek, agħtih qima.

Ix-xebbiet jiġu b’għana ta’ ferħ u għajjat,

jidħlu fil-palazz tas-sultan. R/.

 

Qari II

1 Kor 15: 20-26

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti: Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel fost dawk li raqdu. Għaliex jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skont kif imissu: l-ewwel, Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu, meta jerġa’ jiġi. Imbagħad it-tmiem, meta Kristu jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa. Għax jeħtieġ li hu jsaltan “sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh.” L-aħħar għadu li jinqered il-Mewt.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 Akklamazzjoni għall-Evanġelju

ara Lq 11:28

 

R/. Hallelujah

Marija ttellgħet fis-sema; jifirħu l-qtajja’ tal-anġli.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Lq 1:39-56

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn il-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet ’il Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fi ħdanha, u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija qabżet u tqanqlet bil-ferħ fi ħdani. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma ntqalilha min-naħa tal-Mulej.”

 

Imbagħad qalet Marija: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja, għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid ’il min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn. Ħa ħsieb Israel qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu – bħalma wiegħed ’il missirijietna – b’risq Abraham u nislu għal dejjem.”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.

 

 

Talbiet ta’ Interċessjoni

Mulej Alla tagħna, inti għażiltna u ppredestinajtna sabiex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemek fl-Imħabba. Inti ġġustifikajtna fi Kristu Ibnek il-Waħdieni sabiex inkunu nistgħu nieħdu sehem fil-ħajja tiegħek ta’ Alla. Ilqa’ talbna f’dan l-Għid ta’ Santa Marija aħna u naraw fiha bħal f’mera dak li nixtiequ u nittamaw li nkunu fil-Knisja u fid-dinja.

 

Għall-Knisja kollha sabiex bħal Marija tkun l-Għarusa ta’ Kristu li tagħżel għaliha l-istess xorti tiegħu u waqt li timxi fuq il-passi tiegħu fid-dinja tasal fis-Saltna tas-Sema fil-ħajja ta’ dejjem ma’ Kristu Rebbieħ.

Nitolbu …

 

Għall-bnedmin kollha sabiex iħarsu lejn il-ħajja ta’ dejjem bħala l-milja tal-ħajja li għaliha aħna msejħin fi Kristu u li llum narawha tiddi f’Marija li ssieħbet ma’ Ġesù bħala dixxiplu tiegħu f’din il-ħajja u r-rebbieħa miegħu fil-ħajja ta’ dejjem.  Nitolbu…

 

Għalina sabiex aħna u nikkontemplaw lil Marija li tieħu sehem fil-milja tal-ħajja ta’ dejjem bil-Qawmien mill-Imwiet fi Kristu, ngħixu ħajja qaddisa fuq l–art sa ma naslu li ngawdu l-Qawmien mill-Imwiet fi Kristu.  Nitolbu…

 

Għal pajjiżna li llum jiċċelebra lil Santa Marija bħala l-Patruna ewlenija tal-gżejjer Maltin, sabiex bħalha nkunu mera ta’ ħajja qaddisa u fostna jsaltnu l-ġustiżżja, s-sliem u r-rispett lejn il-ħajja tal-bniedem.  Nitolbu…

 

Għal ħutna l-mejtin li kellhom imħabba speċjali lejn Santa Marija, Omm Ġesù u Ommna wkoll, sabiex igawdu flimkien magħha l-wiċċ ta’ Alla.

Nitolbu…

 

Mulej Alla nitolbuk tagħtina l-grazzja li kif aħna nagħrfuk inħobbuk, u nadurawk f’din il-ħajja naslu li narawk wiċċ imb wiċċ fil-ħajja ta’ dejjem flimkien ma’ Marija. Bi Kristu Sidna. Ammen.

About the author

Ikkummenta

Discover more from Parroċċa San Ġiljan

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading