Il-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja

Il-melħ jagħti t-togħma lill-ikel u d-dawl ma jdawwalx lilu nnifsu. Daqstant hi sempliċi x-xhieda li għandu jagħti n-Nisrani lill-oħrajn bla ma joqgħod jiftaħar bil-merti tiegħu, l-akbar xhieda li jista’ jagħti n-Nisrani hi li jagħti ħajtu bħalma għamel Ġesù, jiġifieri l-martirju. Iżda hemm xhieda oħra, dik tal-ħajja ta’ kuljum, li tibda minn filgħodu, mal-qawmien, u tintemm billejl meta mmorru norqdu.

Tidher xi ħaġa bla wisq importanza, iżda l-Mulej bl-affarijiet żgħar jagħmel il-mirakli, iwettaq il-meravilji. Għalhekk jeħtieġ li jkollna atteġġjament ta’ umiltà li fil-fatt ifisser li nfittxu dejjem inkunu melħ u dawl.

Melħ u dawl għall-oħrajn għax il-melħ ma jagħtix it-togħma lilu nnifsu, imma qiegħed hemm biex jagħti t-togħma lil xi ħaġa oħra. Ftit melħ jgħin fl-ikel. Fil-fatt, mill-ħanut ma tixtrix il-melħ bil-qnatar, tixtri ftit għax ikun biżżejjed. Bl-istess mod il-melħ ma joqgħodx jitkabbar bih innifsu, għax waħdu ma jiswa għal xejn. Dejjem qiegħed hemm biex jaqdi lil xi ħaġa oħra.

Li tkun Nisrani fil-ħajja ta’ kuljum, għalhekk, ifisser li tkun ukoll bħad-dawl, tkun għan-nies bħad-dawl li qiegħed hemm biex jgħinna fid-dlam.

Il-Mulej jgħidilna, ‘Int il-melħ, int id-dawl.’ Hekk hu, Mulej. Iżda meta nkunu qed nieklu, aħna ma ngħidux: ‘Kemm hu tajjeb il-melħ!’ iżda, ‘Kemm hu tajjeb l-ikel!’ U meta filgħaxija mmorru norqdu, ma ngħidux, ‘Kemm hu tajjeb id-dawl,’ anzi d-dawl ninjorawh għax ngħixu bid-dawl li jdawwal verament. B’hekk aħna l-Insara niksbu d-dimensjoni li fil-ħajja nkunu anonimi.

Aħna m’aħniex il-protagonisti tal-merti tagħna, u għalhekk m’għandniex nagħmlu bħall-fariżew li mar jirringrazzja lil Alla għax kien jidhirlu li hu qaddis.

Talba sabiħa fi tmiem il-jum, tista’ tkun: ‘Illum kont melħ? Illum kont dawl?’ Din hi l-qdusija tal-ħajja ta’ kuljum. Jalla l-Mulej jgħinna biex dan nifhmuh sewwa.

 

Fr Claude

 

About the author

Ikkummenta