Qari I
It-talba tal-umli tinfed is-sħab.
Sir 35, 12-14.16-18
Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak
Il-Mulej hu mħallef,
u ma jħarisx lejn l-uċuħ.
Ma joqgħodx iħares lejn wiċċ dak li jkun b’dannu tal-fqir,
u jagħti widen għat-talba tal-magħkus.
Ma jagħlaqx widnejh għat-talba bil-ħniena tal-iltim,
jew tal-armla li tibki xortiha.
Min jaqdi mill-qalb lil Alla jintlaqa’,
u t-talba tiegħu titla’ m’ogħla s-sħab.
It-talba tal-umli tinfed is-sħab,
u ma toqgħodx bi kwietha qabel tasal qrib il-Mulej,
u ma tiqafx qabel mal-Għoli jagħti widen,
u jagħti raġun lill-ġusti u jagħmel ħaqq.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 33, 2-3.17-18.19 u 23
R/. (7a): Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu
Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu! R/.
Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena,
biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.
Jgħajtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej jismagħhom;
mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom. R/.
Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma,
jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.
Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu;
kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti. R/.
Qari II
Hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja.
2 Tim 4, 6-8. 16-18
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju
Għażiż, demmi ġa mxerred b’sagrifiċċju, u żmien it-tluq tiegħi wasal. Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi. Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f’dak il-Jum iħallasni l-Mulej, l-Imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-Dehra tiegħu. Fl-ewwel difiża tiegħi ħadd ma kien miegħi; kulħadd ħallieni. Jalla ma jkunx magħdud kontrihom! Imma l-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex bis-saħħa tiegħi l-kelma tixxandar sal-aħħar u l-ġnus kollha jisimgħuha. Hekk jien sfajt meħlus minn ħalq l-iljun. Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni, sa ma nasal fis-saltna tiegħu tas-sema. Glorja lilu għal dejjem ta’ dejjem! Ammen.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
2 Kor 5, 19
Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla kien li ħabeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,
u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Il-pubblikan niżel id-dar iġġustifikat.
Lq 18, 9-14
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola: “Żewġt irġiel, wieħed fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. Il-fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu: “O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kulma ndaħħal”. Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: “O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!”. Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu