Messaġġ mill-kappillan għax-xahar t’Ottubru

Mhux biżżejjed inkunu Nsara tajbin, jeħtieġ nidħlu fil-misteru ta’ Ġesù

Il-qalba tal-misteru ta’ Ġesù Kristu hi li Hu ħabbni u ta lilu nnifsu għalija. Tajjeb li mmorru l-quddies u nitolbu, biex inkunu Nsara tajbin, imma l-kwistjoni ċentrali hi jekk aħna dħalniex fil-misteru ta’ Ġesù Kristu.

Fl-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, l-Appostlu juża d-dnub, id-diżubbidjenza, il-grazzja, il-maħfra biex jgħinna nifhmu li wara dan kollu hemm storja ta’ salvazzjoni. Iżda minħabba li m’hemmx kliem biżżejjed li bih nistgħu nispjegaw lil Kristu, San Pawl jixprunana, għax aħna nitfixklu quddiem il-misteru ta’ Kristu. Dal-kliem hu biss passi mill-mixja biex nidħlu fil-misteru, li mhux faċli tifhmu. Li nifhmu x’inhu Ġesù Kristu għalija, għalik, għalina, ifisser li nidħlu fil-misteru tiegħu.

Jista’ jkun hemm min hu lest li jagħti ħajtu għal xi ħadd tajjeb imma kien Kristu biss li ta ħajtu għalija, midneb. B’dal-kliem San Pawl irid jgħinna nidħlu fil-misteru ta’ Kristu, li mhux faċli imma hu grazzja. Dan ma fehmuhx biss il-qaddisin kanonizzati imma bosta qaddisin oħra moħbija fil-ħajja ta’ kuljum, bnedmin umli li daħlu fil-misteru u ttamaw bis-sħiħ fil-Mulej. Daħlu fil-misteru ta’ Ġesù msallab – bluha, jgħidilna San Pawl, u jżid jgħid li hu jiftaħar biss bi dnubietu u bis-salib ta’ Kristu.

Għalhekk meta mmorru l-quddies aħna nafu li Hu jinsab fil-Kelma u jiġi jiltaqa’ magħna. Imma dan mhux biżżejjed biex nidħlu fil-misteru. Il-misteru hu ħafna aktar minn hekk. Il-misteru hu li nintelqu fl-abbiss tal-ħniena li ma tistax titfisser bil-kliem: hi biss tgħanniqa ta’ mħabba, l-imħabba li wasslitu jmut għalina.

Meta mmorru nqerru dnubietna u nitolbu maħfra, inħossuna kalmi u ferħanin. Iżda dan mhux biżżejjed biex nidħlu fil-misteru ta’ Kristu. Meta mmur inqerr, immur niltaqa’ma’ Ġesù, nidħol fit-tgħanniqa ta’ maħfra li jgħidilna dwarha Pawlu: ir-rigal tal-maħfra.

Meta jistaqsuna: Min hu Ġesù għalik?, tista’ twieġeb li hu Iben Alla, tgħid il-Kredu, tkun taf il-Katekiżmu kollu, iżda mbagħad naslu f’punt meta ma nkunux nistgħu ngħidu li ċ-ċentru tal-misteru ta’ Ġesù Kristu huwa li Hu ħabbni, ta lilu nnifsu għalija. Il-misteru ta’ Ġesù mhux suġġett tal-istudju għax lil Ġesù nifhmuh biss bil-grazzja.

Il-Via Sagra tgħinna nifhmu aktar dan għax hi mixja ma’ Ġesù fil-waqt li fih itina t-tgħanniqa tal-maħfra u l-paċi. Tajjeb ukoll li nagħmlu l-Via Sagra fi djarna u naħsbu dwar il-Passjoni tal-Mulej. Il-qaddisin il-kbar kollha jgħidulna li aħna nibdew il-ħajja spiritwali tagħna bil-laqgħa mal-misteru ta’ Ġesù msallab.

Santa Tereża kienet tgħid lis-sorijiet biex jitolbu bil-kontemplazzjoni u t-talba l-aktar għolja kienet tibdieha bil-meditazzjoni dwar il-Passjoni tal-Mulej. Hi qalbi li trid tipprova tifhem li Hu ħabbni u ta lilu nnifsu għalija bil-mewt fuq is-salib. Dan hu li jrid jispjegalna San Pawl, li jrid idaħħalna fl-abbiss tal-misteru ta’ Kristu.

Nista ngħid li jien Nisrani tajjeb għax immur il-quddies il-Ħadd, nagħmel opri ta’ ħniena, nitlob, ngħallem u nrabbi lil uliedi tajjeb. Dan kollu tajjeb ħafna imma l-mistoqsija hi: wara li tagħmel dan kollu, int dħalt fil-misteru ta’ Ġesù Kristu? Għalhekk, ħares lejn il-Kurċifiss li hu l-ikona tal-akbar misteru tal-ħolqien kollu: Kristu msallab, il-qofol tal-istorja, iċ-ċentru ta’ ħajti.

 

Fr Claude

About the author

Ikkummenta