Parroċċa Ħajja iżda….

Żgur li huma ħafna dawk li ilhom ma jieħdu sehem fil-quddiesa tal-Ħadd fil-knejjes tal-parroċċa tagħna.  Għal grazzja t’Alla sa issa għad għandna quddiesa tas-Sibt fil-għaxija u l-Ħadd f’diversi knejjes fil-parroċċa, inkluż il-knisja parrokkjali.

Issib min lgħidlek “Mhux xorta fejn tisma’ ?  L-aqwa li tisma !”

Quddiem dan il-ħsieb u din l-espressjoni rridu nwasslu dawn iż-żewġ riflessjonijiet:

Il-quddiesa mhux tismagħha imma TIEĦU SEHEM FIHA. U tieħu sehem fil-quddiesa billi TIPPARTEĊIPA b’mod mill-aħjar. Ma naħsbux li xorta fejn nipparteċipaw fil-quddiesa tal-Ħadd.

Jekk uliedek kull nhar ta’Ħadd jgħidulek li sejrin jieklu għand xi ħadd ma naħsibx li tieħu gost ! L-ikla tal-Ħadd f’nofsinhar hija okkażżjoni biex kulħadd ikun miġbur flimkien mal-mejda – okkażżjoni biex il-familja tkun magħquda flimkien.

Daqstant ieħor l-ikla tal-Mulej tal-Ħadd, hija okkażżjoni biex mhux biss tiltaqa’ mal-Mulej, imma biex tiltaqa’ mal-familja parrokkjali tagħna – il-komunita’ Ġiljaniża.  Dan huwa li jagħmilna komunita’ u parroċċa ħajja.

Hawn min jgħidlek “aħna qatt ma drajna niġu quddiesa San Ġiljan allavolja issa ilna noqgħdu hawn!” jew “aħna bqajna mmorru fit-tali knisja fit-tali raħal.”  U dawn illum iħossuhom maqtugħa għal kollox mill-komunita’ Ġiljaniża.  Forsi tarahom biss darba fis-sena fil-festa !

B’dan il-ħsieb nixtiequ nħeġġu lil kulħadd, speċjalment lil dawk li jħossuhom verament Ġiljaniżi, biex ilkoll kemm aħna nkunu membri ħajja tal-parroċċa billi almenu nagħżlu d-dar tal-Mulej li għandna fil-parroċċa tagħna għal-laqgħa tagħna tal-Mulej ta’ kull nhar ta’Ħadd.

Din tagħmel differenza kbira biex inkomplu nkabbru u nsaħħu l-komunita’ Ġiljaniża – dejjem jekk verament għandna għal qalbna lil San Ġiljan u jekk tixtieq li jkollna parroċċa u komunita’ ħajja.

About the author

Ikkummenta