Qari I
Ġob 19:1.23-27a
Qari mill-Ktieb ta’ Ġob
Ġob wieġeb u qal: “Mhux li kien jiġi maħżuż fi ktieb, jew b’xafra tal-ħadid u ċ-ċomb għal dejjem fil-blat jitnaqqax!
Jien naf li d-difensur tiegħi ħaj, u fl-aħħar fuq it-trab iqum. U wara li jintemm ġildi, mingħajr laħmi nara ’l Alla, li jien narah maġenbi.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 26
R/. (ara 6): Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej f’art il-ħajjin!
Il-Mulej hu d-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;
minn min għandi nibża’?
Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;
quddiem min għandi nitwerwer? R/.
Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej, lilha nfittex:
li ngħammar f’dar il-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajti,
biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej
u nbakkar fit-tempju tiegħu. R/.
Isma’, Mulej, il-leħen tiegħi:
meta ngħajjat, ħenn għalija u weġibni.
Jien infittex ’il wiċċek, Mulej;
la taħbix wiċċek minni. R/.
Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej f’art il-ħajjin.
Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek,
ittama fil-Mulej. R/.
Qari II
Rum 19:1.23-27a
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti: It-tama ma tqarraqx bina, għaliex l-imħabba ta’ Alla ssawbet fina permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.
Meta kien il-waqt, u aħna konna għadna bla saħħa, Kristu miet għal dawk li kienu bla Alla. Wieħed bilkemm imut għal bniedem ġust, għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalb u jmut għal wieħed tajjeb. Iżda Alla wera mħabbtu lejna meta Kristu miet għalina, aħna ġġustifikati b’demmu, insalvaw permezz tiegħu mill-korla ta’ Alla! Jekk meta konna għadna għedewwa ta’ Alla tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu, kemm aktar issa, li aħna ħbieb miegħu, insalvaw permezz tal-ħajja tiegħu!
Mhux hekk biss, imma niftaħru wkoll f’Alla b’Sidna Ġesù Kristu, li permezz tiegħu issa ksibna l-ħbiberija ma’ Alla.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 6: 39
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ir-rieda ta’ Missieri hija din:
li jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani,
iżda li nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ġw 6:37-40
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien: Ġesù qal lin-nies: “Dak kollu li missieri jagħtini jiġi għandi, u min jiġi għandi ma nkeċċihx ’il barra; għax jiena nżilt mis-sema biex nagħmel mhux ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni. Issa r-rieda ta’ min bagħatni hija din: li jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani, iżda li nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ir-rieda ta’ Missieri hija din: li kull min jara l-Iben u jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu