Is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda

Is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda

Is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda jagħtina li mmissu b’idejna l-ħniena ta’ Alla għall-bniedem.  Fl-imgħoddi kien jissejjaħ “L-Aħħar Dilka”, għax konna nħarsu lejh bħala faraġ spiritwali għal min kien wasal biex imut.  Jekk min-naħa l-oħra nitkellmu dwar “Dilka tal-Morda”, dan jgħinna nwessgħu l-ħarsa tagħna għall-esperjenza tal-mard u tat-tbatija, fid-dawl tal-ħniena ta’ Alla.

  1. Hemm ikona Biblika li tesprimi fil-profondità kollha tiegħu l-misteru li joħroġ fid-Dilka tal-Morda: din hi l-parabbola tas-“Samaritan it-tajjeb”, fil-Vanġelu ta’ Luqa (10:30-35).  Kull darba li niċċelebraw dan is-sagrament, il-Mulej Ġesù, fil-persuna tas-saċerdot, joqrob lejn min ikun qed ibati u hu marid serjament, jew anzjan.  Il-parabbola tgħid li s-Samaritan it-tajjeb ħa ħsieb ta’ dak ir-raġel batut billi diliklu l-ġrieħi tiegħu biż-żejt u l-inbid.  Iż-żejt ifakkarna f’dak li jiġi mbierek mill-Isqof kull sena, fil-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut nhar Ħamis ix-Xirka, sewwa sew fid-dawl tad-Dilka tal-Morda.  L-inbid, min-naħa l-oħra, hu sinjal ta’ l-imħabba u tal-grazzja ta’ Kristu li joħorġu mid-don ta’ ħajtu għalina u jesprimu ruħhom fl-għana kollu tagħhom fil-ħajja sagramentali tal-Knisja.  Fl-aħħar nett, il-persuna batuta tiġi fdata f’idejn tal-lukanda, biex jista’ jkompli jieħu ħsiebha, mingħajr ma joqgħod jagħti kas ta’ l-ispejjeż.  Issa min hu dan tal-lukanda?  Hi l-Knisja, il-komunità Nisranija, aħna, li lilna l-lum il-Mulej Ġesù qed jafdalna lil dawk kollha li huma mħabbtin, fil-ġisem u fir-ruħ, biex nistgħu nkomplu nsawbu fuqhom bla heda l-ħniena u s-salvazzjoni tiegħu.
  2. Dan il-mandat hu mtenni b’mod espliċitu u preċiż fl-Ittra ta’ Ġakbu, fejn jirrikkmanda: “Hemm xi ħadd marid fostkom?  Ħalli dan isejjaħ lill-presbiteri tal-Knisja, biex dawn jitolbu għalih u jidilkuh biż-żejt f’isem il-Mulej; it-talba tal-fidi ssalva lill-marid, u l-Mulej iqajmu; u jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu” (5:14-15).  Mela din hi prassi li diġà kienet b’saħħitha fi żmien l-Appostli.  Fil-fatt Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex juru l-istess għożża għall-morda u l-batuti u tahom il-ħila u l-missjoni li f’ismu u skond is-sentimenti ta’ qalbu jkomplu jxerrdu s-serħan u l-paċi, permezz tal-grazzja speċjali ta’ dan is-sagrament.  Imma dan ma jridx jintilef fit-tiftixa ossessiva tal-miraklu jew fil-preżunzjoni li jista’ dejjem u f’kull każ jikseb il-fejqan.  Imma hu jiżgura lil min hu marid li Ġesù hu qrib tiegħu, u anki lill-anzjan, għax kull anzjan, kull persuna ta’ fuq 65 sena, tista’ tirċievi dan is-sagrament, li permezz tiegħu Ġesù nnifsu hu li joqrob lejna.

Imma meta jkun hemm xi marid, xi drabi jgħaddilna minn moħħna l-ħsieb: “Inċemplu lis-saċerdot biex jiġi”; “Le, għax inbeżżgħu lil marid, ma nċemplulu xejn”…  Għaliex naħsbu hekk?  Għax xi ftit jew wisq hemm l-idea li wara s-saċerdot imbagħad jasal il-funeral.  U dan m’hux minnu.  Is-saċerdot jiġi biex jgħin lill-marid jew l-anzjan; għalhekk hi tant importanti ż-żjara tas-saċerdoti lill-morda.  Hemm bżonn li nsejħu s-saċerdot qrib il-marid u ngħidulu: “Ejja agħtih id-dilka, u bierku”.  Hu Ġesù nnifsu li jiġi biex iserraħ lill-marid, biex isaħħu, biex jagħtih it-tama, biex jgħinu; u anki biex jaħfirlu dnubietu.  U din hi xi ħaġa tassew sabiħa!  U m’għandniex noqogħdu naħsbu li dan hu xi tabù, għax dejjem hi ħaġa sabiħa nkunu nafu li fil-waqt tat-tbatija u tal-mard aħna m’aħniex waħidna: is-saċerdot u dawk li jkunu preżenti waqt id-Dilka tal-Morda fil-fatt jirrappreżentaw lill-komunità Nisranija kollha li, bħal ġisem wieħed, tinġabar madwar min qed ibati u l-familjari tiegħu, twettaqhom fil-fidi u fit-tama, u tweżinhom bit-talb u bl-imħabba fraterna.  Imma l-akbar faraġ jiġi mill-fatt li f’dan is-sagrament hu preżenti l-Mulej Ġesù nnifsu, li jaqbdilna jdejna, iżiegħel bina kif għamel mal-morda, u jfakkarna li issa aħna tiegħu u li xejn – lanqas id-deni u l-mewt – ma jista’ qatt jifridna minnU.  Għandna din id-drawwa li nsejħu lis-saċerdot biex lill-morda tagħna – mhux qed ngħid morda bl-influwenza, ta’ tlitt ijiem, erbgħa, imma meta hemm marda gravi – u anki lill-anzjani tagħna, jiġi u jagħtihom dan is-sagrament, dan il-faraġ, din il-qawwa ta’ Ġesù biex jistgħu jibqgħu mexjin?

 

About the author

Ikkummenta

Discover more from Parroċċa San Ġiljan

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading