Betlehem

Ġużeppi, flimkien ma’ martu Marija, tela’ “fil-belt ta’ David jisimha Betlehem” (Lq 2:4) Betlehem: l-isem ifisser dar il-ħobż. F’din id-“dar” il-Mulej illum qed jagħti appuntament lill-umanità. Hu jaf li għandna bżonn tal-ikel biex ngħixu. Imma jaf ukoll li l-ikel kollu ta’ din id-dinja ma jista’ qatt jaqta’ l-ġuħ tal-qalb. Fl-Iskrittura, id-dnub oriġinali tal-umanità hu assoċjat proprju ma’ li wieħed jieħu l-ikel: “ħadet mill-frott u kielet”, jgħid il-ktieb tal-Ġenesi (3:6). Ħadet u kielet. Il-bniedem sar rgħib u miklub għall-ġid. Ħafna jfittxu s-sens tal-ħajja f’li jkollhom, f’li jimtlew bil-ġid. L-istorja tal-bnedmin hi mmarkata minn din il-kilba li ma xxabbagħha b’xejn, sal-paradossi ta’ żmienna, meta l-ftit jieklu fil-lussu u l-ħafna ma għandhomx ħobż biex jgħixu.

 

Betlehem hi l-post fejn tinbidel id-direzzjoni tal-istorja. Hemm Alla, fid-dar tal-ħobż, jitwieled f’maxtura. Bħallikieku jrid jgħidilna: Arawni, ġejt bħala ikel tagħkom. Ma jieħu xejn, anzi joffrilna x’nieklu; ma jagħtiniex xi ħaġa, imma lilu nnifsu. F’Betlehem niskopru li Alla mhuwiex xi ħadd li jieħu l-ħajja, imma Dak li jagħtiha. Lill-bniedem, imdorri sa minn għeruqu jieħu f’idejh u jiekol, Ġesù jgħidlu: “Ħudu u kulu. Dan huwa ġismi” (Mt 26:26). Il-ġisem ċkejken tat-Tarbija ta’ Betlehem qed tniedi xempju ta’ ħajja ġdida: tiblax u tikkapparrax, imma aqsam u agħti. Alla jiċċekken biex isir l-ikel tagħna. Jekk nitrejqu bih, Ħobż tal-ħajja, nistgħu nitwieldu mill-ġdid fl-imħabba u nkissru ċ-ċirku vizzjuż tar-regħba u tal-kilba għall-ġid.  Minn “dar il-ħobż”, Ġesù jreġġa’ lura lill-bniedem f’daru, biex isir qarib ta’ Alla tiegħu u ħu l-proxxmu tiegħu. Quddiem il-maxtura, nifhmu li dak li jitma’ l-ħajja mhuwiex il-ġid, imma l-imħabba; mhix il-kilba għall-ġid, imma l-karità; mhix l-abbundanza biex noqogħdu niddandnu biha, imma s-sempliċità biex inħarsuha.

 

Il-Mulej jaf li għandna bżonn ta’ kuljum li nieklu. Għalhekk kull jum ta’ ħajtu offra ruħu lilna, mill-maxtura ta’ Betlehem saċ-ċenaklu ta’ Ġerusalemm. U llum mill-ġdid fuq l-altar isir Ħobż maqsum għalina: iħabbat fuq il-bieb tagħna biex jidħol u jiekol magħna (ara Apok 3:20). Fil-Milied nirċievu fuq l-art lil Ġesù, Ħobż tas-Sema: hu ikel li ma jaqta’ qatt, imma jagħtina li ntiegħmu minn issa l-ħajja ta’ dejjem.

 

F’Betlehem niskopru li l-ħajja ta’ Alla tiġri fil-vini tal-umanità. Jekk nilqgħuha, l-istorja tinbidel ibda minn kull wieħed u waħda minna. Għax meta Ġesù jibdel il-qalb, iċ-ċentru tal-ħajja ma jibqax il-jien tiegħi mġewwaħ u egoista, imma jsir Hu, li jitwieled u jgħix għall-imħabba. Imsejħin illejla biex nitilgħu Betlehem, dar il-ħobż, ejjew nistaqsu: liema hu l-ikel tal-ħajja tiegħi, li ma nistax ngħaddi mingħajru? Huwa l-Mulej jew xi ħaġa oħra? Imbagħad, waqt li nidħlu fil-grotta, u nilmħu fil-faqar ħelu tat-Tarbija fwieħa ġdida ta’ ħajja, dik tas-sempliċità, nistaqsu: veru li għandi bżonn ta’ ħafna affarijiet, ta’ riċetti kkumplikati biex ngħix? Jirnexxieli ngħaddi mingħajr tant kontorni superfiċjali, biex nagħżel ħajja iżjed sempliċi?  F’Betlehem, quddiem Ġesù, nilmħu nies li mxew, bħal Marija, Ġużeppi u r-ragħajja. Ġesù hu l-Ħobż tal-mixja.  Ma jogħġbuhx attitudnijiet għażżiena u ta’ telqa, imma jitlobna nqumu malajr minn mal-mejda biex naqdu, bħal ħobż maqsum għall-oħrajn. Ejjew nistaqsu lilna nfusna: fil-Milied qed naqsam il-ħobż tiegħi ma’ min hu mċaħħad minnu?

About the author

Ikkummenta