Qari I
Sir 3, 2-6. 12-14
Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak.
Il-Mulej għolla l-missier fuq it-tfal, u saħħaħ dritt l-omm fuq l-ulied. Min jibża’ minn missieru jagħmel tajjeb għal dnubietu, u min iweġġaħ lil ommu qisu qed jiġma’ f’teżor. Min jibża’ minn missieru jifraħ b’uliedu, u meta jitlob jinstama’. Min iweġġaħ lil missieru jkollu għomor twil, u min iserraħ lil ommu jkun qed jisma’ mill-Mulej.
Ibni, ieqaf ma’ missierek fi xjuħitu, u matul ħajtu tweġġagħlux qalbu. Ukoll jekk moħħu jeħfief, agħdru, u tonqsux mill-ġieħ meta għadek f’saħħtek, għax il-ħniena ma’ missierek ma tintesiex, imma tingħaddlek bi ħlas għal dnubietek.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 127
R/. Hieni kull min jibża’ mill-Mulej!
Hieni kull min jibża’ mill-Mulej,
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ idejk inti tiekol;
hieni int, u riżqek tajjeb! R/.
Martek tkun bħal dielja għammiela
fl-irkejjen ta’ darek;
uliedek bħal xitel taż-żebbuġ
madwar il-mejda tiegħek. R/.
Ara, kif ikun imbierek il-bniedem
li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn Sijon!
Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm
tul ħajtek kollha! R/.
Qari II
Kol 3: 12-21
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin.
Ħuti, intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll. U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni. Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom, dak issliem li għalih kontu msejħa biex issiru ġisem wieħed. U ta’ dan roddu ħajr lil Alla.
Ħalli l-kelma ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom; għallmu bl-għerf kollu u widdbu lil xulxin b’salmi u innijiet u b’għana spiritwali, u b’radd il-ħajr kantaw f’qalbkom innijiet lil Alla. Kulma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.
Intom, nisa miżżewġa, obdu lil żwieġkom, kif għandu jkun fil-Mulej. Intom imbagħad, irġiel miżżewġa, ħobbu n-nisa tagħkom, u tkunux iebsa magħhom. Intom, tfal, isimgħu millġenituri tagħkom f’kollox, għax dan hu li jogħġob lill-Mulej. Intom missirijiet, la ddejqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Kol 3: 15a.16a
R/. Hallelujah.
Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom;
ħalli l-kelma ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Mt 2: 13-15.19-23
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew.
Meta telqu l-Maġi, deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu”. Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u lil ommu bil-lejl u telaq lejn l-Eġittu, u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni”.
Meta miet Erodi, deher l-anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi fl-Eġittu u qallu: “Qum ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u erġa’ lura lejn l-art ta’ Iżrael, għax mietu dawk li kienu jfittxu l-ħajja tat-tifel”. Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u lil ommu, u mar fl-art ta’ Iżrael. Imma billi sama’ li fil-Lhudija kien qiegħed isaltan Arkelaws flok Erodi missieru, baża’ jmur hemm. Fuq twissija li kellu fil-ħolm, telaq lejn l-inħawi tal-Galilija, u mar joqgħod f’belt jisimha Nażaret, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeti, “Ikun jissejjaħ Nażri”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.