Qari I
Mal 3,1-4
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Malakija
Dan jgħid il-Mulej :
“Araw, jiena se nibgħat il-messaġġier tiegħi
biex iħejji t-triq quddiemi,
u minnufih jidħol fit-tempju tiegħu
s-Sid li intom qegħdin tfittxu;
u l-anġlu tal-patt, li intom tixtiequ, arawh, ġej!”.
jgħid il-Mulej tal-eżerċti.
Imma min se jissaporti l-Jum tal-miġja tiegħu?
U min hu li se jieqaf meta jidher?
Għax hu bħan-nar ta’ wieħed li jsaffi
u bħas-sapun tal-ħassiela.
U joqgħod isaffi u jnaddaf il-fidda,
jnaddaf ’l ulied Levi,
u jsaffihom bħad-deheb u l-fidda,
u huma jsiru għall-Mulej
nies li jagħmlu l-offerta bis-sewwa.
U tibda togħġbu lill-Mulej
l-offerta ta’ Ġuda u ta’ Ġerusalemm bħal dari,
bħal fis-snin l-imgħoddija.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
23, 7-10
R/. Il-Mulej hu s-Sultan tal-Glorja.
Intrefgħu, bibien, infetħu,
intom bibien ta’ dejjem,
ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja! R/.
Min hu dan is-Sultan tal-glorja?
Hu l-Mulej tal-eżerċti:
dan hu s-Sultan tal-glorja! R/.
Qari II
Sar jixbah lil ħutu f’kollox.
Lhud 2, 14-18
Qari mill-Ittra lil-Lhud.
Ħuti,
l-ulied għandhom l-istess demm u ġisem,
Ġesù wkoll bl-istess mod sar bħalhom,
biex b’mewtu jeqred is-setgħa
ta’ dak li kellu l-mewt f’idejh, jiġifieri x-Xitan,
u jeħles ’il dawk kollha li,
minħabba fil-biża’ tal-mewt,
kienu mjassrin għal għomorhom kollu.
Għax tabilħaqq,
mhux lill-anġli jrid jgħin,
imma lil ulied Abraham.
Għalhekk kellu jkun jixbah lil ħutu f’kollox,
biex ikun il-qassis il-kbir,
ħanin u fidil f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla,
u biex ipatti għal dnubiet il-poplu.
Għax, billi hu stess bata u kien imġarrab,
jaf jgħin lil dawk li huma fit-tiġrib.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni għall-Evanġelju
Lq 2, 32
R/. Hallelujah
Dawl biex idawwal il-ġnus
u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek.
Lq 2, 22-40
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa.
Wara li għalqilhom iż-żmien
għall-purifikazzjoni tagħhom
skont il-Liġi ta’ Mosè,
Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù Ġerusalemm
biex jippreżentawh lill-Mulej,
kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li
‘kull tifel li jitwieled l-ewwel,
jiġi kkonsagrat lill-Mulej,’
u biex joffru b’sagrifiċċju
‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’
kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.
F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb,
li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael
u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu.
L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu
li ma kienx se jara l-mewt
qabel ma jara l-Messija tal-Mulej.
Mar mela fit-tempju, imqanqal mill-Ispirtu,
u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù
biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi,
huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:
“Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek
imur fis-sliem, skond kelmtek,
għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek
li int ħejjejt għall-popli kollha,
dawl biex idawwal il-ġnus,
u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael”.
Missieru u ommu baqgħu mistagħġba
b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu.
Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija:
“Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien
ta’ ħafna f’Iżrael;
se jkun sinjal li jmeruh,
– u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! –
biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna”.
Kien hemm ukoll waħda profetissa,
Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser.
Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien;
wara xbubitha
kienet għamlet seba’ snin miżżewwġa,
u mbagħad romlot.
Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena
ma kienet titwarrab qatt mit-tempju,
lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb.
Dak il-ħin stess waslet,
u bdiet trodd ħajr lil Alla
u titkellem fuq it-tarbija
ma’ dawk kollha li kienu jistennew
il-fidwa ta’ Ġerusalemm.
Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu
skont il-Liġi tal-Mulej
reġgħu lura lejn il-Galilija
fil-belt tagħhom ta’ Nazaret.
U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf.
U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.