Nibdew żmien ir-Randan Imqaddes

Nhar il-Erbgħa 26 ta’ Frar 2020, nagħtu bidu għar-Randan Imqaddes.  F’dan il-jum hemm l-obbligu tas-sawm u astinenza.  Obbligati għas-sawm dawk bejn 18-59 sena waqt li għall-astinenza dawn kollha minn 14-il sena l-fuq.

Fil-quddies kollu jsir it-tiswib tal-irmied fuq rasna b’sinjal ta’ ndiema u penitenza.  Kulħadd huwa mitlub li jħares dan il-jum b’quddiesa, Qrara u Tqarbina.

Indem u emmen…Trab kont u trab terġa ssir.

Is-Sawm u l-Penitenza ma rridux inħarsu lejhom biss bħala forom ta’ ċaħda iżda bħala gwadann fil-ħajja tagħna kollha kemm hi; bħala mezz kif nerġgħu inqumu b’enerġija ġdida li nagħmlu t-tajjeb għalina nfusna u l-ġid lil ta’ madwarna, ġid li kultant nitilfu minħabba r-rutina u l-għaġġla tal-ħajja li lkoll ngħixu. Is-Sawm u l-Penitenza huma mezzi li Alla joffrilna biex mill-ġdid inħarsu lejn il-mera tiegħu u nagħrfu mill-ġdid is-sbuħija tagħna bħala persuni u bħala komunità, mhux kif naraw lilna nfusna aħna jew skont il-mudelli li timponi fuqna ċertu tip ta’ kultura, iżda kif jarana Alla nnifsu li jħobbna bi mħabba bla qjies.

Il-Liturġija matul ir-Randan:

  • Żmien ir-Randan huwa żmien liturġiku qawwi.
  • Jibda nhar l-Erbgħa ta’ l-Irmied (Ras ir-Randan) bis-sejħa:

“Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba!”

  • Fih 5 iĦdud.
  • Nhar Ħadd il-Palm tibda l-Ġimgħa Mqaddsa.
  • Ħamis ix-Xirka filgħaxija jibda t-Tridu Mqaddes ta’ l-Għid li jwassal għall-“Festa tal-festi kollha”.

“Il-Misteru tal-Qawmien mill-imwiet, li fih Kristu ħassar il-mewt, jimla ż-żmien il-qadim tagħna bil-qawwa setgħana tiegħu, sakemm iġib kollox taħtu”.

Katekiżmu tal-Knisja Kattolika,1169

Ir-Randan hu żmien penitenzjali, u allura l-liturġija tgħinna nidħlu f’dan l-ispirtu…billi

  • m’hemmx fjuri fuq l-artal
  • orgni jindaqq baxx
  • vjola: sinjal ta’ penitenza

Ejja ma nitilfux l-opportunita’ li jtina dan iż-żmien.

About the author

Ikkummenta