Qari I
Is-sejħa ta’ Abram, missier il-poplu ta’ Alla.
Ġen 12, 1-4a
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Abram:
“Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek,
u minn dar missierek,
lejn l-art li jien nurik.
U jien nagħmlek ġens kbir,
inbierkek u nkabbarlek ismek,
u int tkun barka.
Jien inbierek lil min ibierkek,
u nisħet lil min jisħtek.
U jitbierku bik it-tribujiet kollha tal-art”.
U telaq Abram kif kien qallu l-Mulej.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 32 (33), 4-5.18-19.20 u 22
R/. (22): Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna
Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.
Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.
Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna. R/.
Qari II
Alla jsejħilna u jdawwalna.
2 Tim 1, 8b-10
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju
Għażiż, aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju, u afda fil-qawwa ta’ Alla, li salvana u sejħilna b’sejħa qaddisa, mhux għax qies l-għemejjel tagħna, imma skond il-pjan tiegħu stess u skond il-grazzja tiegħu. Din il-grazzja tahielna qabel iż-żmien tal-eternità fi Kristu Ġesù, imma dehret issa permezz tad-dehra tas-Salvatur tagħna Kristu Ġesù li qered il-mewt, u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mk 9, 7
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Fi sħaba kollha dawl, leħen il-Missier instema’:
“Dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu”.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Wiċċu sar jiddi bħax-xemx.
Mt 17, 1-9
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija”. Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom, u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu”.
Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux”. Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu. Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu