Għid il-Ħamsin – Solennità

Qari I

Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu.

Atti 2, 1-11

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.

F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema. Malli nstama’ dan il-ħoss, inġabret kotra kbira, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu. Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu: “Dawn li qegħdin jitkellmu mhumiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu? Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla!”

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 103 (104), 1ab.24aċ.29bċ-30.31.34

R/. (30): Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art

jew

R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Bierek ruħ tiegħi, lill-Mulej!

Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!

Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek. R/.

Jekk teħdilhom nifishom, imutu,

u lejn it-trab jerġgħu jmorru.

Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,

u inti ġġedded il-wiċċ tal-art. R/.

Jibqa’ sebħ il-Mulej għal dejjem!

Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!

Ħa togħġbu l-għanja tiegħi,

għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi. R/.

Qari II

Ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed.

1 Kor 12, 3b-7.12-13

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, ħadd ma jista’ jgħid: “Ġesù hu l-Mulej!”. jekk mhux imqanqal mill-Ispirtu s-Santu. Hemm imbagħad diversi doni, imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu; hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej; hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd. Lil kull wieħed tingħata r-rivelazzjoni tal-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd. Bħalma l-ġisem hu wieħed u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu. Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Sekwenza

Spirtu s-Santu, ejja fina,

raġġ ta’ dawl qaddis agħtina,

xerrdu f’ruħna mis-smewwiet.

O Missier il-foqra tiegħek,

inti ġġib id-doni miegħek,

tagħni b’dawlek qalb l-ulied.

Inti l-aqwa faraġ tagħna,

fik kull hena xħin tkun magħna,

tħossok fewġa ħelwa r-ruħ.

Fl-għaja, lejn is-serħ twassalna;

jekk imħeġġa wisq, trażżanna;

mill-għajnejn tixxotta d-dmugħ.

O dawl hieni ta’ qdusija,

nitolbuk li bik mimlija

tkun il-qalb ta’ kull fidil.

Mingħajr dawlek li jmexxina

ebda ħajr ma jkun hemm fina,

ebda safa fl-għemil.

Naddaf kull fejn hemm it-tbajja’,

fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja,

lill-miġruħ agħtih fejqan.

Rattab fina l-ebusija,

agħti lill-berdin bżulija,

għin fit-triq lil min beżgħan.

Agħti s-seba’ doni tiegħek

lil min jimxi fidil miegħek

u li fik jistrieħ kull ħin.

Agħti ’l kull virtù sabiħa

ħlas ta’ salvazzjoni sħiħa,

agħti l-ġenna lit-tajbin.

Ammen. Hallelujah.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ejja, Spirtu s-Santu,

imla l-qlub tal-fidili tiegħek

u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ħudu l-Ispirtu s-Santu.

Ġw 20, 19-23

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

Dak il-Ħadd fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

About the author

Ikkummenta