Il-Ħadd wara s-solennità tat-Trinità Qaddisa
Qari I
Temgħek il-manna li la int u lanqas missirijietek ma kontu tafu biha. Dewt 8, 2-3.14b-16a
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
F’dak iż-żmien, Mosè kellem lill-poplu u qal: “Ftakar fil-mixja kollha li mexxiek il-Mulej, Alla tiegħek, matul dawn l-erbgħin sena fid-deżert, biex iċekknek u jġarrbek, ħalli jkun jaf x’għandek f’qalbek, jekk tridx toqgħod għall-kmandamenti tiegħu jew le. Huwa ċekknek, ried li tbati l-ġuħ, imbagħad temgħek il-manna, li la int u lanqas missirijietek ma kontu qatt tafu biha, biex jurik li mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, imma b’dak kollu li joħroġ minn fomm il-Mulej, b’dan jgħix il-bniedem.
Qis li ma titkabbarx qalbek u tinsa l-Mulej, Alla tiegħek, li ħarġek mill-art tal-Eġittu, mill-art tal-jasar. Hu li mexxiek fid-deżert kbir u jwaħħax, mimli sriep velenużi u skorpjuni, art niexfa bla ilma xejn, li ħariġlek l-ilma mill-blata taż-żnied, li temgħek il-manna fid-deżert, li missirijietek ma kienu jafu biha xejn”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 146 (147), 12-13.14-15.19-20
R/. (12a): Sebbaħ, Ġerusalemm, lill-Mulej
Sebbaħ, Ġerusalemm, lill-Mulej;
faħħar lil Alla tiegħek, Sijon!
Hu jsaħħaħ l-istaneg tal-bibien tiegħek,
u jbierek ġewwa fik lil uliedek. R/.
Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta’ artek,
u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.
Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu;
bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu. R/.
Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb,
il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.
Ma għamel hekk ma’ ebda poplu;
lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu. R/.
Qari II
La l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed.1 Kor 10, 16-17
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka mhuwiex għaqda mad-demm ta’ Kristu? U l-ħobż li naqsmu mhuwiex għaqda mal-ġisem ta’ Kristu? Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju Ġw 6, 51
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema, jgħid il-Mulej;
jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.Ġw 6, 51-58
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”. Fuq hekk il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”. Ġesù mela qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.
Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirjietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu