Qari I
Qiegħed nagħtik moħħ għaref u għaqli.1 Slat 3, 5.7-12
Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten
F’dak iż-żmien f’Gibgħon il-Mulej deher lil Salamun fil-ħolm bil-lejl. “Itlobni x’nagħtik”, qallu Alla.
U wieġbu Salamun: “Mulej, Alla tiegħi, lili, qaddej tiegħek, għadek kemm qegħedtni sultan flok David missieri. Iżda jiena għadni daqsxejn ta’ żagħżugħ, bla ma naf mnejn għandi ngħaddi. Il-qaddej tiegħek sab ruħu f’nofs dan il-poplu li int għażilt, poplu hekk kotran li ħadd ma jista’ jgħoddu jew iqisu. Agħti, għalhekk, lill-qaddej tiegħek moħħ ħafif biex jifhem, biex jista’ jmexxi l-poplu tiegħek, u jagħraf it-tajjeb mill-ħażin; għax inkella min jasal biex imexxih, dan il-poplu tiegħek ta’ kotra hekk kbira?”.
Il-Mulej ħa gost li Salamun talab dil-ħaġa. Għalhekk qallu Alla: “Ladarba tlabt din il-ħaġa, u ma tlabtnix għomor twil, jew għana, jew il-ħajja tal-għedewwa tiegħek – iva, talli tlabt li tagħraf tifhem kif għandek tmexxi – hawn jien se nagħmel kif għedt int. Qed nagħtik moħħ għaref u għaqli, hekk li ħadd qablek ma kien hawn bħalek, u anqas warajk ma jkun hawn”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 118 (119), 57.72.76-77.127-128.129-130
R/. (97a): Kemm inħobbha l-liġi tiegħek, Mulej
Mulej, dan hu sehmi,
li nħares il-kelma tiegħek.
Aħjar għalija l-liġi ta’ fommok
mill-eluf ta’ flejjes tad-deheb u l-fidda. R/.
Tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi,
skond il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek.
Tiġi fuqi tjubitek, biex ikolli l-ħajja;
għax il-liġi tiegħek hi l-għaxqa tiegħi. R/.
Għalhekk inħobb il-kmandamenti tiegħek,
aktar mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin.
Għalhekk jien nimxi dritt fuq il-preċetti tiegħek,
u nobgħod kull triq qarrieqa. R/.
Tal-għaġeb huma l-preċetti tiegħek,
għalhekk tħarishom qalbi.
It-tifsir ta’ kelmtek jagħti d-dawl,
ifiehem lil min ma jafx. R/.
Qari II
Ippredestinana biex nieħdu sura xbieha ta’ Ibnu.Rum 8, 28-30
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skond il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom.
Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa; lil dawk li ppredestinahom, sejħilhom ukoll; lil dawk li sejħilhom, iġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, igglorifikahom ukoll.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mt 11, 25
Hallelujah. R/. Hallelujah
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-saltna wrejthom liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.
Mt 13, 44-52
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.
Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha.
Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox. Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin. Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.
Kollu fhimtuh dan?” “Iva”, qalulu. U hu qalilhom: “Għalhekk kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Jew il-forma l-qasira
Evanġelju
Imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.
Mt 13, 44-46
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa. Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu