Qari I
Inqiegħed fuq spallejh il-muftieħ tad-dar ta’ David.Is 22, 19-23
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Dan jgħid il-Mulej lil Sebna, dak li jieħu ħsieb il-palazz tas-sultan:
“Inwarrbek minn postok,
u nneħħik minn fejn qiegħed.
Dakinhar insejjaħ lill-qaddej tiegħi
Eljakim, bin Ħilkija,
inlibbsu l-libsa tiegħek,
u nħażżmu bit-terħa tiegħek,
u nagħtih f’idejh il-ħakma tiegħek.
U jkun missier għal min jgħammar f’Ġerusalemm,
u għad-dar ta’ Ġuda.
Inqiegħed muftieħ dar David fuq spallejh.
Jiftaħ hu, u ħadd ma jagħlaq;
jagħlaq hu, u ħadd ma jiftaħ.
U nwaħħlu bħal musmar ma’ ħajt fis-sod,
u jkun tron glorjuż għal dar missieru”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 137 (138), 1-2a.2bc-3.6.8bc
R/. (8b): It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem
Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,
għaliex int smajt kliem fommi.
Quddiem l-allat irrid ngħannilek.
B’wiċċi fl-art ninxteħet
quddiem is-santwarju tiegħek. R/.
Irroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek,
għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.
Meta sejjaħtlek, int weġibtni,
kattarli l-qawwa f’ruħi. R/.
Kbir il-Mulej, imma jieħu ħsieb iż-żgħar;
u, għalkemm fl-għoli, jagħraf mill-bogħod.
Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.
It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem. R/.
Qari II
Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu, kollox għalih.
Rum 11, 33-36
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, kemm huma kbar l-għana, l-għerf u l-għaqal ta’ Alla!
Kemm tassew ħadd ma jista’ jgħarbel il-ġudizzju tiegħu u jifhem it-triqat tiegħu!
Għax min qatt għaraf moħħ il-Mulej?
Min qatt kien il-kunsillier tiegħu?
Min qatt tah l-ewwel biex jistħoqqlu l-ħlas?
Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu, kollox għalih.
Lilu l-glorja għal dejjem ta’ dejjem. Amen!
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 16, 18
Hallelujah. R/. Hallelujah
Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi,
u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Inti Pietru: jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet.
Mt 16, 13-20
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?”. U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti”.
“Imma intom min tgħidu li jien?”, staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj”. U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet”.
Imbagħad lid-dixxipli tiegħu wissiehom biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li huwa l-Messija.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu