14 ta’ Awwissu
Quddiesa tal-Vġili
Qari I 1 Kron 15, 3-4.15-16; 16,1-2
Qiegħdu l-arka ta’ Alla f’nofs it-tinda.
F’dak iż-żmien: David laqqa’ lill-poplu ta’ Iżrael kollu f’Ġerusalemm biex italla’ l-arka tal-Mulej f’postha li kien ħejja għaliha. U laqqa’ lil ulied Aron u lill-Leviti. U l-Leviti kienu l-ewwel li ġarrew l-arka ta’ Alla bil-lasti fuq spallejhom, kif kien ordna Mosè skond il-kelma tal-Mulej. U David ordna lill-kapijiet tal-Leviti li jqassmu lil ħuthom, il-mużiċisti bl-istrumenti tad-daqq – arpi, ċetri, ċnieċel – u jgħollu u jsemmgħu leħinhom għoli b’sinjal ta’ ferħ. U hekk ġiebu l-arka ta’ Alla u qegħduha f’nofs it-tinda li kien waqqaf għaliha David, u offrew sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tas-sliem quddiem Alla. Meta kien offra s-sagrifiċċji tal-ħruq u s-sagrifiċċji tas-sliem, David bierek il-poplu b’isem il-Mulej,
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali S 131, 6-7.9-10.13-14
℟. Qum, Mulej,int u l-Arka tal-qawwa tiegħek.
Araw, smajna bl-arka f’Efrata,
sibnieha fir-raba’ ta’ Ġagħar.
Ħa nidħlu fl-għamara tiegħu,
ninxteħtu quddiem il-mirfes ta’ riġlejh! ℟.
Jilbsu l-ġustizzja l-qassisin tiegħek,
jgħajjtu bil-ferħ il-ħbieb tiegħek.
Minħabba f’David, il-qaddej tiegħek,
twarrabx wiċċ is-sultan, il-midluk tiegħek. ℟.
Għax il-Mulej għażel ‘il Sijon,
u xtaqha tkun id-dar tiegħu:
“Hawn insib il-mistrieħ tiegħi għal dejjem!
Fiha rrid noqgħod, għax ħabbejtha! ℟.
Qari II 1 Kor 15, 54-57
Alla tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Ħuti: Meta dak li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, meta dak li jmut jilbes l-immortalità, mbagħad iseħħ dak li hemm miktub, “Inbelgħet il-mewt fir-rebħa. Fejn hi, ja Mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja Mewt, in-niggieża tiegħek?” In-niggieża tal-mewt hi d-dnub, u l-qawwa tad-dnub hi l-Liġi. Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu. Għalhekk, ħuti għeżież, żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej. Kunu afu li l-ħidma tagħkom fil-Mulej m’hijiex għalxejn.
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni għall-Evanġelju ara Lq 11:28
℟. Hallelujah
Hienja dawk
li jisimgħu l-kelma ta’ Alla
u jħarsuha!
℟. Hallelujah
Evanġelju 11, 27-28
Hieni l-ġuf li ġiebek.
F’dak iż-żmien waqt li kien qed ikellem lin-nies, kien hemm waħda mara li għolliet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!” Iżda hu qalilha: “Imma tassew ngħidlek, aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!”
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Tifħir lilek, Kristu.
Talbiet ta’ Interċessjoni
Mulej Alla tagħna, inti għażiltna u ppredestinajtna sabiex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemek fl-Imħabba. Inti ġġustifikajtna fi Kristu Ibnek il-Waħdieni sabiex inkunu nistgħu nieħdu sehem fil-ħajja tiegħek ta’ Alla. Ilqa’ talbna f’dan l-Għid ta’ Santa Marija aħna u naraw fiha bħal f’mera dak li nixtiequ u nittamaw li nkunu fil-Knisja u fid-dinja.
Għall-Knisja kollha sabiex bħal Marija tkun l-Għarusa ta’ Kristu li tagħżel għaliha l-istess xorti tiegħu u waqt li timxi fuq il-passi tiegħu fid-dinja tasal fis-Saltna tas-Sema fil-ħajja ta’ dejjem ma’ Kristu Rebbieħ.
Nitolbu …
Għall-bnedmin kollha sabiex iħarsu lejn il-ħajja ta’ dejjem bħala l-milja tal-ħajja li għaliha aħna msejħin fi Kristu u li llum narawha tiddi f’Marija li ssieħbet ma’ Ġesù bħala dixxiplu tiegħu f’din il-ħajja u r-rebbieħa miegħu fil-ħajja ta’ dejjem. Nitolbu…
Għalina sabiex aħna u nikkontemplaw lil Marija li tieħu sehem fil-milja tal-ħajja ta’ dejjem bil-Qawmien mill-Imwiet fi Kristu, ngħixu ħajja qaddisa fuq l–art sa ma naslu li ngawdu l-Qawmien mill-Imwiet fi Kristu. Nitolbu…
Għal pajjiżna li llum jiċċelebra lil Santa Marija bħala l-Patruna ewlenija tal-gżejjer Maltin, sabiex bħalha nkunu mera ta’ ħajja qaddisa u fostna jsaltnu l-ġustiżżja, s-sliem u r-rispett lejn il-ħajja tal-bniedem. Nitolbu…
Għal ħutna l-mejtin li kellhom imħabba speċjali lejn Santa Marija, Omm Ġesù u Ommna wkoll, sabiex igawdu flimkien magħha l-wiċċ ta’ Alla.
Nitolbu…
Mulej Alla nitolbuk tagħtina l-grazzja li kif aħna nagħrfuk inħobbuk, u nadurawk f’din il-ħajja naslu li narawk wiċċ imb wiċċ fil-ħajja ta’ dejjem flimkien ma’ Marija. Bi Kristu Sidna. Ammen.
15 ta’ Awwissu
L-Imqaddsa Marija Mtellgħa s-Sema
Solennita’
Qari I
Apok 11: 19a, 12: 1-6a. 10ab
Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi
Infetaħ it-Tempju ta’ Alla, li hemm fis-sema, u dehret l-arka tal-patt tiegħu fit-Tempju tiegħu. U deher sinjal kbir fis-sema: mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha. Hija kienet fit-tqala, u bdiet tgħajjat bl-uġigħ tal-ħlas u tbati biex teħles.
Imbagħad fis-sema deher sinjal ieħor: ara, Dragun kbir minn lewn in-nar, b’sebat irjus u għaxart iqrun, u b’seba’ djademi fuq irjusu. U b’denbu kines waħda mit-tlieta tal-kwiekeb tas-sema u waddabhom lejn l-art. U d-Dragun mar qagħad quddiem il-mara li kienet sa tiled, biex kif tiled lil binha jibilgħu. U hi wildet iben, tifel, li kien għad irid jirgħa l-ġnus b’xettru tal-ħadid. U binha ġie maħtuf għal quddiem Alla u quddiem it-tron tiegħu. U l-Mara ħarbet fid-deżert. U smajt leħen qawwi fis-sema jgħid: “Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa u s-saltna ta’ Alla tagħna u s-setgħa tal-Messija tiegħu.”
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
44
R/. F’lemintek is-Sultan, fid-dawl tal-glorja!
Ulied is-sultan jiġu jilqgħuk,
f’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir.
Isma’, binti, ħares u agħti widen,
insa ’l niesek u ’l dar missierek. R/.
Jixxennaq is-sultan għal ġmielek;
u għax hu sidek, agħtih qima.
Ix-xebbiet jiġu b’għana ta’ ferħ u għajjat,
jidħlu fil-palazz tas-sultan. R/.
Qari II
1 Kor 15: 20-26
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti: Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel fost dawk li raqdu. Għaliex jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skont kif imissu: l-ewwel, Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu, meta jerġa’ jiġi. Imbagħad it-tmiem, meta Kristu jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa. Għax jeħtieġ li hu jsaltan “sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh.” L-aħħar għadu li jinqered il-Mewt.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni għall-Evanġelju
ara Lq 11:28
R/. Hallelujah
Marija ttellgħet fis-sema; jifirħu l-qtajja’ tal-anġli.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Lq 1:39-56
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn il-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet ’il Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fi ħdanha, u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija qabżet u tqanqlet bil-ferħ fi ħdani. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma ntqalilha min-naħa tal-Mulej.”
Imbagħad qalet Marija: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja, għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid ’il min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn. Ħa ħsieb Israel qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu – bħalma wiegħed ’il missirijietna – b’risq Abraham u nislu għal dejjem.”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.