15 ta’Diċembru: L-Ewwel Jum tan-Novena

San Ġorġ Preca kien isejjaħ il-grotta ta’ Betlem “Skola” li kull min jidħol fiha bi spirtu tajjeb kapaċi joħroġ minnha b’tagħlim sabiħ li jiswa għall-ħajja. 

Aħna din is-sena ser nagħmlu din il-mixja. Matul in-novena, nidħlu kuljum fil-grotta-skola, nisiltu tagħlima li jagħtina Dun Ġorġ, nisimgħu kelma ta’ Ġesù u nitolbu talba flimkien.

It-tagħlima li ser nisiltu llum hi dwar Il-faqar

Silta mill-kitba ta’ San Ġorġ dwar il-faqar:

Infatti: Ġesù Kristu, id-Dominatur assolut ta’ kollox, jidħol fid-dinja li permezz tiegħu din saret, jidħol fiha Salvatur tagħha, għadu tal-pompi, tal-kburija u tar-rikkezzi: u b’għaqda li ma tinħallx jidher fostna mgħarras mal-faqar. il-palazz irjali tiegħu hu għar tal-annimali u s-sodda indurata tiegħu maxtura tagħhom: ċaħda tal-kumdità il-purtieri tiegħu. L-Iben t’Alla inkarnat ġie adurat mill-Anġli fi dħul tiegħu fid-dinja u b’ħerqa kbira jagħti lezzjoni lill-bnedmin li jgħożżu l-faqar li minnu tant u tant ġid spiritwali jiġi fil-bniedem. 

Sentenza ta’ Ġesù fuq s-siwi tal-faqar fil-ħajja tan-nisrani

‘Imberkin il-foqra tal-ispirtu għax tagħhom hija s-saltna tas-sema.’

Talba

Agħtina, Mulej, qalb ħanina biex ma norbtux qalbna ma’ dak li jgħaddi u naqsmu minn dak li rċevejna ma’ min hu fil-bżonn.

Nitolbu: Ismagħna nitolbuk Mulej.

About the author

Ikkummenta