San Ġorġ Preca kien isejjaħ il-grotta ta’ Betlem “Skola” li kull min jidħol fiha bi spirtu tajjeb kapaċi joħroġ minnha b’tagħlim sabiħ li jiswa għall-ħajja.
Aħna din is-sena qed nagħmlu din il-mixja. Matul in-novena, nidħlu kuljum fil-grotta-skola, nisiltu tagħlima li jagħtina Dun Ġorġ, nisimgħu kelma ta’ Ġesù u nitolbu talba flimkien.
It-tagħlima li ser nisiltu llum hi dwar Il-manswetudni/ il-ħlewwa u l-maħfra
Silta mill-kitba ta’ Dun Ġorġ dwar din it-tagħlima :
Infatti: Ġesù Kristu deher fid-dinja biex isalvana u mhux biex jiġġudikana, b’xhud tal-Anġli li assiguraw lir-ragħajja li fil-belt ta’ David twieled is-Salvatur tal-bnedmin. U min kienu dawn il-bnedmin? Għedewwa t’Alla; kien jisħoqqilhom il-korla ta’ Alla minħabba d-dnub oriġinali. U Alla nnifsu jindaħal biex isalva mit-telfien ta’ dejjem u jqiegħed fi tgawdija eterna lil dawn l-għedewwa tiegħu mingħajr ma jistmerr faqar, umiljazzjoni u tbatija, f’eċċess ta’ karità lejn il-bnedmin kollha. … O kbira manswetudni ta’ Alla tagħna!
Sentenza ta’ Ġesù fuq s-siwi tal-manswetudni fil-ħajja tan-nisrani
‘Aħfru u lilkom ikun maħfur.’
Talba
Agħtina, Mulej, spirtu ta’ maħfra biex meta nirċievu xi azzjoni ħażina ma nibqgħux inżommu f’qalbna iżda naħfru bil-qalb bħalek.
Nitolbu: Ismagħna nitolbuk, Mulej.