San Ġorġ Preca kien isejjaħ il-grotta ta’ Betlem “Skola” li kull min jidħol fiha bi spirtu tajjeb kapaċi joħroġ minnha b’tagħlim sabiħ li jiswa għall-ħajja.
Aħna din is-sena qed nagħmlu din il-mixja. Matul in-novena, nidħlu kuljum fil-grotta- skola, nisiltu tagħlima li jagħtina Dun Ġorġ, nisimgħu kelma ta’ Ġesù u nitolbu talba flimkien.
It-tagħlima li ser nisiltu llum hi dwar L-ubbidjenza
Silta mill-kitba ta’ Dun Ġorġ dwar din it-tagħlima :
Infatti: Ġesù Kristu, twieled taħt l-okkażjoni tal-ubbidjenza billi Ġużeppi u Marija t-tnejn ubbidjenti għall-editt tal-Imperatur Ċesare Awgustu, li kien ordna li s-sudditi tiegħu jinkitbu kull wieħed f’dak il-post li minnu kien ġej in-nisel tiegħu, kienu niżlu f’Betlem għax kienu min-nisel tas-Sultan David. Alla bagħat fid-dinja l-Iben Waħdieni tiegħu biex imut għall-fidwa tal-bnedmin, u l-ubbidjenza libbsitu l-laħam tal-bnedmin u qegħditu seftur ta’ ħutu. Fi twelidu l-Anġli ippritkaw li l-bnedmin jekk ma jimitawx fl-ubbidjenza lil dan l-Imgħallem Divin tal-bnedmin ma għandhomx għaliex jistennew f’qalbhom il-vera paċi – Glorja ‘l Alla fl-ogħla tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba!
Sentenza ta’ Ġesù fuq s-siwi tal-ubbidjenza fil-ħajja tan-nisrani.
‘Mhux min jgħidli Sinjur Sinjur jidħol fis-saltna tas-smewwiet iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dan jidħol fis-saltna tas-smewwiet.’
Talba:
Agħtina Mulej, qalb li lesta tisimgħek u tagħmel dak li inti tgħidilha permezz tal-Kelma tiegħek u tat-tagħlim tal-Knisja.
Nitolbu: Ismagħna nitolbuk Mulej.