It-tagħlima li ser nisiltu llum hi dwar L-Umilta`
Silta mill-kitba ta’ Dun Ġorġ dwar din it-tagħlima :
Infatti: Ġesù Kristu Alla veru, li lilu kollox iservi u li ta’ kollox għandu setgħa assoluta, jindenja ruħu jiċċekken b’mod li wlied Adam u Eva li Hu stess ifforma mit-trab tal-art, igħodduh b’wieħed minn ħuthom. … Forsi dehret miegħu fid-dħul tad-dinja xi farka tas-suppervja xħin b’omm u b’missier putattiv għażel żewġ kreaturi tassew umli? xħin għażel post umli biex fih jitwieled? xħin il-ħin tal-ewwel dehra tiegħu fid-dinja kien bogħod minn kull osservazzjoni? xħin bl-ewwel sħab tiegħu sejjaħ nies umli, ir-ragħajja ta’ Betlem? U l-fini li għalih twieled ma jgħaġġibx għall-umiltà ’l kull kreatura intellettwali xħin ir-re divin jilbes ta’ seftur u jmut għas-seftur?
Sentenza ta’ Ġesù fuq s-siwi tal-umiltà fil-ħajja tan-nisrani:
‘Min ikun għolla ruħu jkun umiljat, u min ikun umilja ruħu jkun mgħolli.’
Talba
Mulej għinna nżommu f’moħħna s-sentenza ta’ Dun Ġorġ : ‘Min ma jimpurtahx u la min unuri u anqas minn tmaqdir issib li għandu f’qalbu paci kbira.’ Żommna fl-umiltà u fil-paċi tal-qalb.
Nitolbu: Ismagħna nitolbuk Mulej.