Qari I
Wieħed ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, hu għad jirtek.
Ġen 15, 1-6; 21, 1-3
Qari mill-Ktieb ta’ Ġenesi
F’dak iż-żmien, ġiet il-kelma tal-Mulej lil Abram f’dehra u qallu: “La tibżax, Abram! Jiena tarka għalik; ħlasek ikun kbir ħafna”. U Abram qallu: “Sidi Mulej, x’se tagħtini, għax se nibqa’ bla tfal, u l-werriet ta’ dari se jkun Eligħeżer ta’ Damasku”. U Abram żied jgħid: “Ara, int lili ma tajtnix nisel, u qaddej dari se jiritni”. U ara, waslitlu l-kelma tal-Mulej u qallu: “Ma jirtekx dan, imma wieħed ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, hu għad jirtek”.
U ħarġu barra u qallu: “Ħares sewwa lejn is-smewwiet u għodd il-kwiekeb, jekk għandek ħila tgħoddhom”. U żied jgħidlu: “Hekk għad ikun nislek”. U hu emmen fil-Mulej, u dan għaddhulu b’ġustizzja.
U l-Mulej żar lil Sara bħalma kien qalilha, u għamel magħha dak li kien wegħedha. U Sara tqalet u wildet iben lil Abraham fi xjuħitu, fiż-żmien li kien qallu Alla. U Abraham semma ’l ibnu li twelidlu, li kienet wilditlu Sara, Iżakk.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 104 (105), 1b-2.3-4.5-6.8-9
R/. (7a.8a): Jaħweh hu Alla tagħna! Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu
Faħħru l-Mulej u xandru ismu,
għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu.
Għannulu u doqqulu,
xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha. R/.
Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu;
tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej.
Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu,
fittxu ’l wiċċu l-ħin kollu. R/.
Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel,
fl-għeġubijiet u l-ġudizzji tiegħu.
Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu,
ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu. R/.
Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu,
fil-kelma li ta għal elf nisel,
fil-patt li għamel ma’ Abraham,
fil-wegħda li ħalef lil Iżakk. R/.
Qari II
Il-fidi ta’ Abraham, ta’ Sarah u ta’ I!akk.
Lhud 11, 8.11-12.17-19
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham jobdi s-sejħa ta’ Alla, meta dan qallu biex imur f’art li kien se jagħtih b’wirt; u telaq, bla ma kien jaf fejn kien sejjer.
Kienet ukoll il-fidi li biha Sarah, mara mdaħħla fiż-żmien, setgħet titqal, għax hija għarfet li ta’ kelmtu kien dak li għamlilha l-wegħda. Kien għalhekk li minn bniedem wieħed, li kien tista’ tgħid mejjet, twieldu nies bil-kotra daqs il-kwiekeb tas-sema u daqs ir-ramel ta’ xatt il-baħar, li ħadd ma jista’ jgħoddu.
Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham joffri ’l Iżakk meta Alla ġarrbu; u kien se joffri lil ibnu l-waħdieni sewwasew dak li kien ħa l-wegħdiet, hu li Alla kien qallu: “Minn Iżakk int għad ikollok nisel”. Huwa fehem li Alla kellu s-setgħa saħansitra li jqajjem mill-mewt; u, fis-sens ta’ tixbiha, ħadu tabilħaqq lura mill-mewt.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lhud 1, 1-2
Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna
ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti.
Issa f’dan l-aħħar żmien, huwa kellimna permezz ta’ Ibnu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
It-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bil-għerf.
Lq 2, 22-40
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skont il-Liġi ta’ Mosè, Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej: “Kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej” – u biex joffru b’sagrifiċċju par gamiem jew żewġ bċieċen, kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.
F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:
“Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek
imur fis-sliem, skont kelmtek,
għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek
li int ħejjejt għall-popli kollha,
dawl biex idawwal il-ġnus,
u glorja tal-polpu tiegħek Iżrael”.
Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna”.
Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewġa, u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm.
Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret. U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Jew il-forma l-qasira
Evanġelju
It-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bil-għerf.
Lq 2, 22.39-40
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skont il-Liġi ta’ Mosè, Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej.
Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret. U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu