QARI I
Il-ħajja tal-bniedem fuq l-art.
Ġob 7, 1-4.6-7
Qari mill-Ktieb ta’ Ġob
Ġob tkellem u qal:
“Ħajjet il-bniedem mhix forsi xogħol bilfors fuq l-art?
U għomru mhux bħal jiem il-ħaddiem mikri?
Bħalma lsir jixxennaq għad-dell,
u bħalma l-mikri jistenna l-ħlas,
hekk xhur fiergħa kienu sehmi,
u ljieli dwejjaq messew lili.
Jekk nimtedd, ngħid: ‘Meta se nqum?’.
u meta nqum, ngħid: ‘Meta se jidlam?’.
u hekk nixba’ nhewden sa ma jidlam.
Eħfef minn mekkuk għaddew jiemi,
u bla tama ntemmu.
Ftakar li ħajti buffura riħ,
u għajnejja ma jerġgħux jaraw ir-riżq”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 146 (147), 1-2.3-4.5-6
R/. (ara 3a): Faħħru l-Mulej, li jfejjaq il-qlub maqsuma
Faħħru l-Mulej, għax tajjeb li tgħanni lil Alla tagħna;
għax ħelu u xieraq it-tifħir tiegħu.
Jibni ’l Ġerusalemm il-Mulej,
jiġma’ l-imxerrdin ta’ Iżrael. R/.
Hu jfejjaq il-qlub maqsuma,
hu jorbot il-ġrieħi tagħhom.
Hu jgħodd in-numru tal-kwiekeb;
kollha jsejħilhom b’isimhom. R/.
Kbir Sidna l-Mulej, u ta’ qawwa kbira;
bla tarf id-dehen tiegħu.
Jerfa’ l-imsejknin il-Mulej,
u jniżżel sal-art il-ħżiena. R/.
QARI II
Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju.
1 Kor 9. 16-19.22-23
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, jekk jiena nxandar l-Evanġelju ma għandix biex niftaħar; jien obbligat nagħmlu dan. Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju! Jekk dan nagħmlu minn rajja, ikolli dritt għall-ħlas; imma jekk nagħmlu għax obbligat, dan ifisser li qiegħed nagħmel ix-xogħol li Alla fdali f’idejja. X’inhu mela l-ħlas tiegħi? Li meta nxandar l-Evanġelju, inxandru b’xejn, bla ma nfittex id-dritt li jagħtini l-Evanġelju stess.
Għax għad li ma jiena marbut ma’ ħadd, jien għamilt lili nnifsi lsir ta’ kulħadd biex nirbaħ lil ħafna. Sirt dgħajjef mad-dgħajfin, biex nirbaħ id-dgħajfin. Sirt kollox ma’ kulħadd, biex insalva lil kulħadd. Nagħmel dan kollu minħabba l-Evanġelju biex ikolli sehem minnu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 8, 17
Hallelujah. R/. Hallelujah
Kristu rafa’ fuqu d-dgħufija tagħna,
u tgħabba bil-mard tagħna.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Ġesù jfejjaq ħafna morda minn bosta mardiet.
Mk 1, 29-39
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli ħarġu mis-sinagoga u baqgħu sejrin ma’ Ġakbu u Ġwanni għand Xmun u Indrì. Issa omm il-mara ta’ Xmun kienet fis-sodda bid-deni, u malajr qalulu biha. Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha. U d-deni ħallieha, u bdiet isservihom.
Filgħaxija, imbagħad, fi nżul ix-xemx, ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan. U quddiem il-bieb inġabret il-belt bi ħġarha. U fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta’ mard, u ħareġ għadd kbir ta’ xjaten li hu ma kienx iħallihom jitkellmu, għax huma kienu jafu min kien.
L-għada filgħodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob. Xmun u sħabu l-oħrajn marru jfittxuh. Kif sabuh, qalulu: “Kulħadd jistaqsi għalik”. U qalilhom: “Ejjew immorru band’oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nippriedka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt”.
U dar il-Galilija kollha, jippriedka fis-sinagogi tagħhom u joħroġ ix-xjaten.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu