QARI I
Alla jeħles lil Noè mid-dulluvju u jagħmel patt miegħu.
Ġen 9:8-15
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
Alla kellem lil Noè u lil uliedu miegħu u qalilhom:
“Arawni, hawn jien se nagħmel il-patt tiegħi magħkom u ma’ nisilkom warajkom; ma’ kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, mat-tjur u mal-bhejjem, ma’ kull bhima selvaġġa li hemm magħkom, u mal-bhejjem kollha li ħarġu magħkom mill-arka. Jien nagħmel il-patt tiegħi magħkom, li qatt iżjed ma jinqered, ebda laħam ħaj, bl-ilmijiet tad-dulluvju; u qatt iżjed ma jkun hemm dulluvju biex iħarbat l-art”.
U żied jgħid Alla: “Dan ikun is-sinjal tal-patt li jien qiegħed nagħmel bejni u bejnkom, u bejn kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, għall-ġenerazzjonijiet kollha għal dejjem. Inqiegħed il-qaws tiegħi fis-sħab, u jkun sinjal tal-patt bejni u bejn l-art. Meta niġma’ s-sħab fuq l-art u tfeġġ il-qawsalla fis-sħab, jien niftakar fil-patt bejni u bejnkom u bejn kull ruħ ħajja f’kull laħam; u ma jkunx hemm iżjed l-ilma tad-dilluvju biex jeqred kull laħam ħaj”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 24(25):4-5ab,6-7bċ,8-9
R/. (10): Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tjieba u fedeltà.
Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.
Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek,
għax huma minn dejjem, Mulej.
Inti tajjeb, Mulej;
ftakar fija skont it-tjieba tiegħek. R/.
Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.
QARI II
L-ilma tal-magħmudija jsalva lilkom ukoll.
1 Piet 3:18-22
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu
Għeżież, Kristu wkoll miet darba għal dejjem minħabba d-dnubiet; hu li kien ġust, miet għall-inġusti biex iressaqkom lejn Alla; kien mogħti l-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fl-ispirtu, li bih mar ixandar is-salvazzjoni lill-erwieħ li kienu magħluqa fil-ħabs. Dawn kienu l-erwieħ ta’ dawk li darba ma ridux jisimgħu, meta Alla qagħad jistenna bis-sabar fiż-żmien li Noè kien jibni l-arka. Ftit, jiġifieri tmienja biss, salvaw bis-saħħa tal-ilma. Dan l-ilma huwa tixbiha tal-magħmudija, li issa ssalva lilkom ukoll. Mhux għax tnaddaf il-ħmieġ tal-ġisem, imma għax hi talba lil Alla ħierġa minn kuxjenza safja bis-saħħa tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu, li tela’ s-sema u qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla u għandu taħtu s-Setgħat u l-Qawwiet tal-anġli.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 4:4b
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,
iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
EVANĠELJU
Kien imġarrab mix-xitan, u l-anġli kienu jaqduh.
Mk 1:12-15
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, l-Ispirtu ħareġ lil Ġesù fid-deżert. U baqa’ fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-Xitan. Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi, u kienu jaqduh l-anġli. Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.