Nibdew iż-żmien tar-Randan Imqaddes

Nhar l-Erbgħa 17 ta’ Frar 2021 nagħtu bidu għaż-żmien tar-Randan.  Dan huwa żmien privileġġjat ta’grazzja.  Fih il-Mulej qed isejħilna nidħlu miegħu fid-deżert ta’ruħna biex naraw fejn aħna u fejn għandna bżonn nikkonvertu.

L-Erbgħa tal-Irmied

Bħala sinjal tal-impenn tagħna fl-indiema u l-konverżjoni, nhar l-Erbgħa, Ras ir-Randan, waqt il-Quddies kollu jsir ir-rit tal-irmied.  Waqt li nirċievu l-irmied fuq rasna, niftakru li aħna “trab”.

Għajnuniet għar-Randan

Biex ngħixu aħjar dan iż-żmien qaddis, il-Knisja tistedinna nużaw dawn il-meżżi:

SSIB AKAR ĦIN GĦAT-TALB: Il-konverżjoni sseħħ fil-laqgħa ma’ Alla permezz tat-talb, għalhekk jixraq li f’dan iż-żmien issib xi ħin għas-skiet, jew għall-Quddiesa ta’ kuljum, u l-qari tal-Kelma ta’ Alla.

NISMA’ L-KELMA TA’ ALLA: Mezz per eċċellenza li jista’ jgħinek tinbidel hu r-riflessjoni tal-Kelma ta’ Alla li toffri l-Knisja għal żmien ir-Randan. Jekk ma għandekx kotba, tista’ faċilment taqraha online.

Bħala għajnuna, il-parroċċa kull nhar ta’ Ħamis ser toffri ħsibijiet fis-7.30pm online fuq Google Meet.

NIMMEDITA L-VIA SAGRA: Issib ħin, waħdek jew mal-familja, biex timmedita l-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Il-parroċċa toffri servizz ta’ Via Sagra meditata kull nhar ta’ Ġimgħa fil-knisja parrokkjali fis-6.00pm.

KARITÀ: Min jiftaħ qalbu għall-Kelma ta’ Alla, jiftaħ qalbu għall-bniedem. Bħas-soltu l-parroċċa permezz tal-kummissjoni djakonija taħseb f’dawn l-aktar vulnerabbli.

NIRRIKONĊILJA RUĦI MA’ ALLA: Il-Qrar hu mezz per eċċellenza għar-rikonċiljazzjoni ma’ Alla u mal-oħrajn.  Infakkrukom li tistgħu tagħmlu appuntament mas-saċerdoti jew tersqu lejn dan is-sagrament nhar ta’ Ħadd.

SAWM: Billi niċċaħdu minn dak li jpaxxi l-ġisem u nrażżnu lilna nfusna fil-kliem, fil-ħsieb u l-ġudizzju fuq l-oħrajn, fl-ikel u x-xorb u affarijiet oħra.  Infakkru li f’Ras ir-Randan hemm l-obbligu tas-sawm u astinenza.

About the author

Ikkummenta